Saħħa
Kif tagħraf lil xi ħadd bid-dimensja u kif tieħu ħsiebu?

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2050.

L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’ fatturi fosthom l-istil ta’ ħajja li qed ngħixu qed iżidu r-riskji.

TVM stħarreġ il-fenomenu tad-dimensja mal-esperti, li ssuġġerew modi kif wieħed jista jikkontribwixxi attivament biex jgħin lil dawk li huma milquta direttament mid-dimensja.

L-istorja tal-anzjana Connie Mifsud li nstabet qawwija u sħiħa wara li l-Ħadd li għadda għebet għal ftit sigħat ġedded memorji koroh għal Marianne Vella, li missierha marad bid-dimensja meta kellu biss 59 sena. Illum għandu 91 sena u b’hekk għex aktar minn terz ta’ ħajtu b’din il-kundizzjoni.

Marianne qalet li tifhem perfettament is-sentimenti ta’ paniku u ansjetà li jgħaddu minnhom il-qraba ta’ dawk li jbatu mid-dimensja, li hija inviżibbli għal dawk li ma jafux x’inhuma l-effetti u r-riperkussjonijiet tagħha.

“Tgħidlu x jismek… se jgħidlek x jismek, se jgħidlek sejjer il-knisja per eżempju, u jaf imur il-knisja… imma ma jkunx kapaċi jiġi lura, jew ikollu l-flus fi-but u jsib lil min jabbuża. Tajjeb min ikun għadu fiżikament f’saħħtu, il-qraba għandhom iżjed responsabbiltà, trid terfa’ ċertu responsbbiltà jekk qallek se jmur jixtri l-gazzetta, jekk se jmur għand tal- grocer jew għand ħuh, vera trid tiffollowjah b’mod fiżiku,” fissret Marianne.

Il-Professur Charles Scerri, li għamel riċerka dwar id-dimensja, qal li wieħed irid jagħmel distinzjoni bejn meta wieħed “jinsa”, għal meta xi ħadd jesebixxi sintomi assoċjati mad-dimensja. Dawn jinkludu każi meta anzjani jgħibu għal għadd ta’ sigħat, u li sfortunatament mhux dejjem jispiċċaw b’wiċċ il-ġid.

Il-Professur Scerri qal li filwaqt li hija normali li wieħed jinsa fejn ikun ħalla ċ-ċwievet jew fejn ikun ipparkja l-karozza, mhux l-istess jista’ jingħad għal min jitlef l-orjentazzjoni ta’ min hu jew fejn ikun.

“Persuna li għandu d-dementia ma jiftakarx li nesa, tant hu hekk li jerġa’ jsaqsik… isaqsik per eżempju x’ħin hu erbgħa, ħames darbiet f’minuta per eżempju… u jekk tgħidlu ġa għidtlek… imerik jgħidlek m’għidtlix…. issa persuna li tinsa normali, jiġifieri persuna li tinsa u m’għandiex dimensja, dik tiftakar li tkun insiet.”

Il-Professur Scerri qal li din il-kundizzjoni ma taħfirha lil ħadd, u kulħadd jista’ jkun affettwat minnha, tant li personalitajiet bħal Robin Williams, Rosa Parks, Margaret Thatcher u David Cassidy kienu wħud mill-personalitajiet li kellhom id-dimenzja.

Staqsjenih kif tingħaraf persuna li għandha d-demenzja. “Xi ħadd li għandu d-dimensja rari jmur ‘il bogħod għax huwa konfuż ħafna u rari jmur ‘il bogħod mill-punt li ħareġ minnu, jiġifieri ġeneralment issibhom dawn in-nies jinstabu f’nofs kilomteru żona diametru, għax persuna tibda ddur ħafna fl-istess post, iċċekja jekk hemmx xi ċwievet tal-karozza; din xi ħaġa li forsi ma tantx nagħtu kasha, u fittex postijiet li kienet tmur u li kienet tesperjenza meta kienet żgħira.”

Hu stmat li l-għadd ta’ persuni affettwati direttament mid-dimensja f’Malta kważi se jirdoppja – minn 7,000 għal 13,000 persuna sal-2050.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li r-residenti kollha fiċ-ċentri miftuħa għandhom jiġu ttestjati għall-Coronavirus. F’konferenza tal-aħbarijiet, Dr Delia qal li għandu jsir iżolament tal-persuni li nstabu bil-Covid-19…

Politika

Xahar wara l-mewt ta’ Miriam Pace li sfat mirduma ħajja fid-dar tagħha fil-Ħamrun, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet mozzjoni li titlob lill-Prim Ministru jaħtar bord ta’ inkjesta pubblika indipendenti biex fi żmien…

Lokali

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) li jaqa’ taħt is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali qal li Malta wettqet pass ieħor lejn Politika Nazzjonali ta’ Aċċess Miftuħ. Fi stqarrija…

Knisja Maltija

Waqt il-messaġġ tiegħu għat-tfal fi żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-Arċisqof Charles Scicluna daqq strument. Fil-filmat tiegħu, Mons. Scicluna reġa’ mar lura għal tfulitu u ġedded il-memorja billi ġab miegħu tliet affarijiet…

Aktar