Lokali
Kif tinduna jekk ħuta hix friska jew le?

Il-ħut huwa fost l-aktar ikel bnin, tant li huma bosta li jfittxu li jinkluduh fid-dieta tagħhom. Bejjiegħ tal-ħut li tkellem ma’ TVM qal li l-aktar ħut li jimxi huwa s-salamun, it-tonn u l-pixxispad, filwaqt li rrimarka li ċertu ħut tal-qigħ, għalkemm hawn domanda għalih, m’għadx hawn ħafna minnu.

Il-biologa marittima Dr Sandra Agius Darmanin saħqet fuq l-importanza li l-ħut għandu jkollu tabella biex ix-xerrej ikun jaf x’qed jixtri u spjegat kif tinduna jekk ħuta tkunx friska jew le.

“Inqum naħseb fuq hawnhekk u qabel norqod naħseb fuq hawnhekk ukoll!”

Rodney Cauchi dilettant tas-sajd minn ġuf ommu u ilu jbigħ il-ħut fil-Mosta seba’ snin.

“Ilni fil-qasam tal-ħut 16-il sena.”

Rodney spjegalna li minn sbieħ il-jum diġà jkun ilu sew li beda jxammar il-kmiem bil-għan li l-klijent isiblu erba’ ħutiet friski.

“Meta jkun bnazzi fit-3.15am nitlaq mid-dar…fl-4am tibda l-pixkerija…nixtru l-ħut imbagħad wara nibqgħu ġejjin hawnhekk…narma…xħin ikun kollox lest niftħu għan-nies fid-9am.”

Lil Rodney saqsejnieh liem hu l-aktar ħut li l-klijent sar ifittex.

“L-aktar ħut li jimxi l-fillets hux bħal salamun, tonn, pixxispad…”

Rodney ġibdilna l-attenzjoni għall-fatt li ċertu ħut m’għadekx issibu daqshekk.

“Il-ħut tal-qigħ – il-ħut abjad ngħidulu – bħaċ-ċipullazz, pagri…dawk l-affarijiet naqsu daqsxejn żgħira.”

Tkellimna wkoll mal-bijologa marittima Sandra Agius Darmanin. Lil Dr Agius Darmanin, li ilha taħdem għal diversi snin mas-sajjieda rikreazzjonali, saqsejnieha kif tintebaħ li ħuta tkun friska.

“L-ewwel ħaġa ħuta friska ma jkollhiex ħafna riħa…ftit riħa…riħa ta’ baħar. Wieħed ukoll għandu jħares lejn il-ġilda…il-ġilda għandha tkun tleqq. Il-garġi…il-garġi jkunu ħomor sbieħ. L-għajnejn…l-għajnejn ikunu trasparenti u ma jkunux opaki jew bojod.”

Dr Agius Darmanin saħqet fuq l-importanza li l-ħut għandu jkollu tabella biex ix-xerrej ikun jaf x’qed jixtri.

“Ikun hemm l-isem tal-ħuta, jekk huwhiex lokali jew jekk hux ġej minn barra…jekk huwhiex maqbud mis-salvaġġ jew inkella huwhiex farmed…barra minn hekk ukoll jekk huwhiex iffriżat jew inkella hux frisk.”

Ġaladarba l-ħuta tkun friska, Rodney qalilna li l-ħuta, aktar kemm tinżamm sempliċi fit-tisjir, aktar tinżillek għasel.

“Ħuta friska ma tridx ħafna kumplikazzjoni biex issajjarha jiġifieri. Ma tridx titfgħalha ħafna affarijiet…ingredjenti…aktar kemm iżżommha sempliċi…daqsxejn olive oil, tewma, bżar u melħ…”