Edukazzjoni
Kiri b’€100 fix-xahar għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta

Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien ma’ żewġ ordnijiet reliġjużi oħra, f’proġett sussidjat, se jipprovdu żewġ hostels għall-istudenti Għawdxin li jiġu jistudjaw f’Malta.

Dan wara li tqajjem tħassib dwar il-problemi tal-istudenti fejn tidħol l-akkomodazzjoni biż-żieda fil-kirjiet. Hostel fil-Ġżira se tkun qed tipprovdi akkomodazzjoni lil 7 ibniet mentri oħra f’Gwardamangia se tkun qed takkomoda 8 subien.

Bejn Ottubru u Ġunju, il-kirja ta’ dawn l-akkomodazzjonijiet se tkun €100 fix-xahar għall-istudenti Għawdxin, bil-kirja ma tkoprix il-linja tal-internet, id-dawl u l-ilma, il-gass u s-servizz tat-tindif.

Kull student Għawdxi huwa eliġibbli biex japplika għal post f’dawn il-hostels iżda d-Djoċesi se tkun qed tagħti preferenza lil min hu qiegħed l-aktar fil-bżonn. Liema kriterji li se jkun qed jimxi magħhom il-Bord se jiġu ppubblikati, bis-segretarju amministrattiv tad-Djoċesi Victor Gusman, Dr Joe Azzopardi, is-Sur Richard Matrenza u membru tal-GUG se jifformaw parti mill-Bord.

Għall-akkomodazzjoni, wieħed jista’ japplika onlajn jew mar-reception tal-Curia. L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħatu lis-Segretarju Amministrattiv, il-Kurja tal-Isqof, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat, sa mhux aktar tard mit-22 ta’ Settembru 2018. Dawk li se jintgħażlu se jiġu infurmati sas-26 ta’ Stettembru 2018. Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jikkuntattja lill-Curia fuq 21551211 jew iżur l-uffiċċju tal-Curia mit-8:00 sas-14:00.

Il-GUG irringrazzjat lid-Djoċesi u dawk kollha involuti fl-inizjattiva li ddeskriviet bħala għan nobbli.

Ara wkoll:

Id-Djoċesi t’Għawdex se tiftaħ 2 hostels għall-istudenti Għawdxin f’Malta