Barranin
Kirurgi jibqgħu għaddejjin b’operazzjoni tal-qalb waqt li s-saqaf tal-isptar qed jaqbad

Tim mediku Russu baqa’ għaddej b’operazzjoni tal-qalb waqt li l-uffiċjali tat-tifi tan-nar kienu qed jitfu n-nirien li ħakmu s-saqaf tal-isptar.

Il-każ seħħ fl-isptar ta’ Blagoveshchensk bil-kirurgi setgħu jkomplu joperaw grazzi għal ‘cable’ tal-elettriku tal-emerġenza waqt li l-fannijiet żammew id-duħħan ‘il barra mis-sala.

Il-kirurgu ewlieni tal-operazzjoni, Valentin Filatov, qal li huma kellhom isalvaw lill-persuna u għalhekk għamlu minn kollox biex dan iseħħ.

It-tim mediku, ffurmat minn tmien persuni, dam sagħtejn fuq l-operazzjoni li bdiet ftit qabel ma bdew in-nirien.

L-isptar inbena fl-1907 fi żmien il-Kżar u peress li s-saqaf kien tal-injam in-nirien malajr infirxu.

Il-gvernatur tar-reġjun ta’ Amur, fejn jinsab l-isptar, faħħar lit-tim mediku u lill-uffiċjali tat-tifi tan-nar għall-professjonalità li wrew.