Politika
Kisbiet elettorali kbar għall-PL b’maġġoranza ta’ +47,000 vot fuq il-PN

Ġiet fi tmiemha ġimgħa ta’ attività politika qawwija. Tmint’ijiem minn votazzjoni doppja: għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista għamel kisbiet elettorali kbar. Fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Partit Laburista kiseb 4 mis-6 siġġijiet tal-Ewroparlamentari Maltin. U meta lbieraħ intemm l-għadd tal-voti tal-Kunsilli Lokali, żewġ terzi tal-lokalitajiet għandhom maġġoranza Laburista, b’distakk ta’ aktar minn 47,000 vot bejn iż-żewġ partiti l-kbar.

Is-Sibt filgħodu, il-Partit Laburista ċċelebra dawn ir-riżultati b’attività politika fin-Nadur, bil-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Joseph Muscat jgħid li din il-maġġoranza storika tpoġġi responsabbiltà kbira fuq il-Partit Laburista.

Il-Partit Nazzjonalista laqqa’ l-Eżekuttiv li b’żewġ voti aktar ivvota favur li Jean Pierre Debono jieħu post David Stellini fil-Parlament. Il-laqgħa rriżultat ukoll fir-riżenja ta’ Mark Anthony Sammut mill-kariga ta’ President tal-Eżekuttiv.

Ir-riżultat uffiċċjali tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex ippreżenta stampa ċara tal-mappa politika ta’ Malta. Il-Partit Laburista għandu l-maġġoranza f’47 lokalità u l-Partit Nazzjonalista f’19. Żewġ lokalitajiet Għawdxin: l-Għarb u ż-Żebbuġ għandhom formazzjoni partikolari billi maż-żewġ partiti l-kbar ġew eletti kandidati oħra.

L-ewwel preferenza tal-votanti ssarrfet f’150,514-il vot għall-Partit Laburista li jfisser 58% tal-votanti li vvutaw. Il-Partit Nazzjonalista ngħata l-fiduċja ta’ 103,398 votant jew kważi 40%. Dan ifisser li l-Partit Laburista għandu maġġoranza ta’ ‘l fuq minn 47,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista . . . distakk ta’ 18%. Il-Partit Demokratiku ma rnexxilux jeleġġi kandidati u l-Alternattiva Demokratika tilfet ir-rappreżentanza li kellha biex għall-ewwel darba m’għandha kunsillier f’ebda lokalità. Fl-Għarb ġew eletti żewġ kunsilliera bl-isem “L-Għarb l-Ewwel”, u ġew eletti wkoll żewġ kandidati indipendenti: wieħed f’Ħaż-Żebbuġ u ieħor fiż-Żebbuġ, Għawdex.

F’26 sena ta’ Kunsilli Lokali, il-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza għall-ewwel darba fil-Belt u s-Siġġiewi. F’dawn l-elezzjonijiet rebaħ ukoll il-maġġoranza fil-Mosta, f’San Pawl il-Baħar u f’San Ġwann mingħand il-Partit Nazzjonalista li min-naħa tiegħu ħa lura t-tmexxija fil-Kunsill Lokali tal-Munxar.

Bosta wċuħ ġodda bħala Sindki . . . tnejn imdendlin: tal-Għarb u ż-Żebbuġ billi l-5 kunsilliera eletti f’kull kunsill ġejjin minn tliet partiti jew indipendenti. F’Ħal Għargħur, ġab l-aktar voti mill-partit fil-maġġoranza Abraham Aquilina li iżda billi għandu 16-il sena ma jistax iservi ta’ Sindku tal-lokalità.

Din kienet l-ewwel darba li l-għadd tal-voti sar b’sistema elettronika u li l-elezzjoni fil-lokalitajiet saret kollha f’daqqa.