Qorti
Jinżamm arrestat wara li kien akkużat li kisser flixkun u qata’ wiċċ raġel ieħor

Somalu ta’ 45 sena li m’għandux fejn joqgħod ukoll baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li darab gravi Somalu ieħor is-Sibt billejl f’San Ġiljan.

L-Ispettur Jonathan Cassar qal li meta l-pulizija marret fuq il-post rat lill-vittma mal-art bid-demm f’wiċċu u sakemm ġiet l-ambulanza li ħaditu l-isptar, il-vittma identifikat lill-akkużat bħala l-aggressur.

Fil-Qorti Abdulaziz Hasan Abdikadir wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

F’dan l-istadju ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest u l-akkużat baqa’ miżmum arrestat.