Qorti
Kissirlu statwetta fuq rasu għax ma riedx iħallsu – jeħel 20 xahar ħabs

Raġel weħel 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li ta xebgħa lil raġel ieħor u weġġgħu gravi wara argument fuq ħlas għal xogħol li dan tal-aħħar għamillu fuq id-dgħajsa.

Il-Qorti semgħet lill-vittma, anzjan ta’ 78 sena, jirrakkonta kif fis-sajf tas-sena l-oħra ntalab jagħmel xi xogħlijiet fuq żewġ opri tal-baħar minn Emanuel Esposito.

L-anzjan qal li l-aħħar biċċa xogħol li Esposito qabbdu jagħmillu ma setgħetx issir sew għax id-dgħajsa kienet fuq il-baħar, fejn anki bdiet taqgħalu l-għodda l-baħar, u għalhekk talab lil Esposito jtella’ d-dgħajsa l-art biex ikun jista’ jaħdimlu fuqha.

Madankollu l-anzjan qal li d-dgħajsa Esposito baqa’ ma tellagħhiex, u sadanittant lanqas ma ħallsu tax-xogħlijiet l-oħra li laħaq għamillu.

L-anzjan qal li għalhekk mar iħabbatlu d-dar biex jiġbor flusu, u talbu €50. Hawn iż-żewġ irġiel bdew jargumentaw, bl-anzjan jgħid li ħin minnhom Esposito qabad statwetta taċ-ċaqquf li kellu fl-intrata u faqagħhielu fuq rasu, u wara kompla jtih bil-ponn u bis-sieq sakemm tefgħu ‘l barra.

L-anzjan kien iċċertifikat li sofra diżabbiltà permanenti ta’ 5% minħabba ksur f’ġenbu, minbarra tiċrita f’wiċċu, liema ġrieħi jitqiesu bħala gravi.

Fil-Qorti Esposito ċaħad li qatt kellu xi jgħid mal-anzjan jew li refa’ jdejh fuqu, u ċaħad li kien għamillu xi xogħlijiet. Huwa iżda ammetta li kellu żewġ opri tal-baħar bħal dawk deskritti mill-vittma.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, iddeksriviet ix-xhieda ta’ Esposito bħala waħda “nieqsa mid-dettall u xotta għall-aħħar.” Innutat li deher skomdu jixhed, u li ma setax jagħti spjegazzjoni għalfejn l-anzjan kellu jivvinta din l-istorja fuqu.

Minbarra 20 xahar ħabs, Esposito kien ordnat iħallas €7,000 lill-anzjan għall-offiżi li dan ġarrab, kif ukoll €425 fi spejjeż tal-esperti. Huwa kien ukoll marbut b’ordni ta’ trażżin għal tliet snin.