Edukazzjoni
Klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC għall-istudenti li se jagħmlu l-eżamijiet ta’ Settembru 2020

Għas-seba’ sena konsekuttiva, se jsiru klassijiet ta’ reviżjoni b’xejn, għall-istudenti li se jagħmlu l-eżamijiet tal-O-levels f’Settembru fil-Bijoloġija, fl-Ingliż, fil-Malti, fil-Matematika u fil-Fiżika.

Il-klassijiet se jibqgħu għaddejjin għal ħames ġimgħat f’ċentri fir-Rabat Għawdex, fil-Mosta, f’Pembroke, f’Ħal Kirkop u f’Raħal Ġdid u se jsiru mis-27 ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu.

Studenti ta’ etajiet bejn il-15 u l-24 sena li ser jagħmlu l-eżamijiet fis-suġġetti msemmija, kemm f’Paper A u kemm f’Paper B, huma eliġibbli biex japplikaw għal dawn il-klassijiet. L-istudenti jistgħu jagħżlu li jieħdu klassijiet f’massimu ta’ tliet suġġetti.

L-istudenti jistgħu japplikaw online billi jżuru www.education.gov.mt/revision sat-Tnejn 20 ta’ Lulju 2020, sal-10 a.m.

L-inizjattiva immexxija minn Jobsplus, hija tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej taħt il-Youth Guarantee Project.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici semma li l-istudenti llum irċevew ir-riżultat tal-assessjar tas-SEC. Dr Bonnici filwaqt li feraħ lill-istudenti li marru tajjeb inkoraġixxa lil dawk li ma laħqux ir-riżultat mixtieq sabiex ma jaqtgħux qalbhom u japplikaw għal dawn il-klassijiet ta’ reviżjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li din is-sena dawn il-klassijiet se jkunu aktar ta’ bżonn minn snin oħra u qal li għall-ewwel darba dawn il-klassijiet se jiftħu wkoll għal dawk l-istudenti li jixtiequ jagħtu Karta A. Żied jgħid li permezz ta’ fondi Ewropej qed ninvestu aktar fiż-żgħażagħ tagħna li huma l-preżent u l-futur tas-soċjetà.

Sa mill-bidu tagħhom fl-2014, il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC assistew lil aktar minn 4,000 student u taw riżultat favorevoli sena wara sena.

Mill-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020 li pprovda għall-kontinwazzjoni tal-Youth Guarantee – Youth Guarantee 2.0, ġew allokati miljun ewro oħra għal aktar investiment fil-kapital uman biex jinħolqu aktar opportunitajiet u jiġu promossi l-benesseri tas-soċjetà.

Għal iktar informazzjoni dwar il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC wieħed jista’ jċempel fuq 2598 1161 / 2598 1162 / 2598 1164 jew 2598 2828/ 2598 2829 jew iżur il-paġna ta’ Facebook – ‘Youth Guarantee Malta’.