Lokali
Kliem iebes għall-gvern Taljan wara li għalaq il-portijiet għall-immigranti

Madwar 500 mis-629 immigrant li jinsabu abbord il-vapur ‘Aquarius’ se jiġu trasferiti fuq żewġ bastimenti militari Taljani u fis-sigħat li ġejjin it-tliet vapuri mistennija jibdew ibaħħru flimkien lejn il-port ta’ Valencia fi Spanja fi vjaġġ li għandu jdum erbat ijiem.

L-għada li Spanja offriet li tieħu l-immigranti li ġew salvati ‘l barra mil-Libja, il-Prim Ministru ta’ Franza akkuża lill-Italja li injorat l-obbligi internazzjonali li tilqa’ dawn l-immigranti.

Is-629 immigrant fosthom 11-il tifel u tifla għadhom bejn sema u ilma f’ibħra internazzjonali bejn Sqallija u Malta fuq il-vapur ‘Aquarius’ jistennew li jibdew il-vjaġġ ta’ 1,300 kilometru lejn Valencia fi Spanja.

Abbord il-vapur m’hemmx fejn toqgħod labra tant li l-vapur t’għaqda umanitarja Franċiża qed iġorr mal-130 persuna aktar minn kemm jiflaħ u kien minħabba f’hekk u l-kundizzjonijiet ħżiena tal-baħar li ġie deċiż li l-maġġoranza tal-immigranti jiġu trasferiti fuq żewġ bastimenti militari Taljani.

L-ekwipaġġ tal-vapur qal li jkun ta’ sogru kbir għall-immigranti jekk jibqgħu kollha fuq l-Aquarius għal vjaġġ li mistenni jieħu erbat ijiem.

Fl-aħħar sigħat il-vapur irċieva provvisti tal-ikel, ix-xorb u l-mediċini mill-awtoritajiet Taljani u Maltin.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Taljan li bi ksur tal-obbligi tiegħu tal-ligi internazzjonali ma ħalliex il-vapur jidħol bl-immigranti f’portijiet Taljani qanqlet bosta reazzjonijiet fosthom mill-President ta’ Franza, Emmanuel Macron li kkundanna ċ-ċiniżmu u l-irresponsabbiltà tal-Italja.

Kelliem għall-gvern Franċiż, Benjamin Griveaux qal “dan hu forma ta’ ċiniżmu u irresponsabiltà mill-Gvern Taljan fir-rigward tas-sitwazzjoni umanitarja drammatika.”

Kliem li ġie mtenni fil-Parlament mill-Prim Ministru ta’ Franza, Edouard Philippe.

“Hija l-Italja li f’din il-kwistjoni għandha tassumi r-responsabbiltajiet. Huma injoraw li għamlu dan u għalhekk injoraw l-obbligi internazzjonali” qal il-PM Franċiż Edouard Philippe.

Id-Deputat Prim Ministru ta’ Spanja, u Il-Ministru tal-Ġustizzja Spanjola, Dolores Delgado qalet li Spanja se tieħu l-immigranti għax temmen fid-drittijiet umani. Argumentat li jista’ jkun hemm penali internazzjonali għan-nuqqas ta’ responsabbiltà mill-Italja fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

B’reazzjoni, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini kiteb fuq Twitter li hu jrid jaħdem ma’ kulħadd b’mod seren imma bil-prinċipju li l-ewwel it-Taljani.

F’kummenti lir-Reuters, it-Taljani intervistati wrew id-diżappunt tagħhom għad-deċiżjoni tal-Gvern ġdid Taljan li jagħlaq il-portijiet għall-immigranti.

Il-Parlament Ewropew għada ser jiddiskuti dan l-iżvilupp u saħansitra hemm sejħiet biex il-Parlament jieħu lill-Kunsill Ewropew fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jekk fil-laqgħa aktar tard dax-xahar jibqa’ ma jilħaqx ftehim biex ibiddel ir-regolamenti ta’ Dublin li kif inhuma l-pajjiżi fejn jiżbarkaw l-immigranti huma marbuta li jibqgħu responsabbli għalihom.

Intant waqt li l-attenzjoni tinsab fuq il-vapur Aquarius, l-għaqda umanitarja ‘Sea Watch’ irrappurtat li nstabu 12-il katavru madwar 20 mil ‘l barra mill-kosta Libjana waqt li 40 oħra ġew salvati. Ftit qabel, 53 immigrant mill-Pakistan u l-Afghanistan żbarkaw f’bajja f’Noto fi Sqallija.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Emma Muscat se tkanta fl-Isle of MTV. Dan tħabbar fil-paġna uffiċjali fuq Facebook tal-Isle of MTV Malta. Emma kisbet suċċess kbir u serqet il-qlub ta’ bosta Maltin wara li rnexxielha…

Lokali

Alessandro Salerno li tkeċċa mix-xogħol wara li tkellem pubblikament fuq l-isfidi mentali tiegħu, se jgħin fil-kampanja tal-Fondazzjoni Richmond biex tkun mgħammra dar fil-Ħamrun li se toffri servizzi lil tfal u…

Lokali

L-ispezzjonijiet li saru fl-aħħar ġimgħa f’diversi siti tal-kostruzzjoni f’Tas Sliema, f’San Ġiljan u fil-Gżira kkonfermaw li f’60% tagħhom kien hemm nuqqas ta’ osservanza tar-regolamenti tal-bini. Dawn ingħataw ġimagħtejn biex jirregolarizzaw…

Lokali

Ħalba xita qawwija bis-sajjetti fl-ewwel jum tal-istaġun tas-sajf, għarqet diversi lokalitajiet magħrufa fejn jinġemgħa l-ilma u fost oħrajn tat battikatta lid-dilletanti Qriema u s-Siġġiwin biex iħarsu l-armar tal-festa mill-ħsara li…

Aktar