Kok Russu mixli li għen biex jinħeba l-katavru ta’ Eleanor

Żvolta gdida fl-investigazzjoni tal-pulizija dwar il-qtil ta’ Eleanor Mangion Walker li fil-bidu tax-xahar li għadda nstabet maqtula f’maħżen fi Triq il-Kummerċ f’Ħal Qormi. Dalgħodu l-Pulizija ressqet il-Qorti, kok Russu li allegatament għin biex jinħeba l-katavru tagħha.

Kristjan Zekic, Russu ta’ 33 sena tressaq il-Qorti mixli li allegatament għin lill-akkużat Andrew Mangion biex jinġarr il-katavru ta’ Eleonor Mangion Walker mill-garaxx fis-Swieqi fejn hu suspettat li nqatlet b’daqqa ta’ mannarett f’rasha, sa Ħal Qormi fejn instabet maqtula.

Il-Pulizija resset lill-kok Russu wara li tul l-investigazzjonijiet ġie stabbilit li l-allegat qattiel kellu l-għajnuna ta’ persuna oħra fil-ġarr u l-ħabi tal-katavru. Madankollu mill-istħarriġ rriżulta li r-Russu ma kienx kompliċi fil-qtil tal-omm ta’ 33 sena iżda allegatament midd idejh wara li nqatlet.

Zekic li għandu kaz kriminali ieħor pendenti li fuqu kein ingħata l-libertà proviżorja, ċaħad l-akkużi kontrih, bil-Qorti ma tilqax it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest.