Kollezzjoni ta’ iktar minn ħamest elef logħba u ħamsa u ħamsin console

Minn żmien għal żmien nisimgħu b’diversi kollezzjonijiet partikolari ta’ affarijiet li ħafna minna kellna u nkunu warrabna. Biss in-nostalġija għat-tfulija li jġibu magħhom l-istess oġġetti tibqa’ ġġibilna tbissima. ‘Popolin’ xandar programm b’differenza hekk kif ġew diskussi cartoons ta’ żmien id-disgħinijiet, kollezzjonijiet tal-consoles u l-comics Maltin.

Tkellimna ma’ Robert Borg, li ilu jikkollezjona l-consoles sa minn tfulitu. Illum il-ġurnata għandu l-fuq minn ħamsa u ħamsin console u ħamest elef logħba. Borg spjega li jixtieq jibni forma ta’ games room fejn min ikun interessat ikun jista’ jżur u jilgħab dawn il-consoles antiki. Mistoqsi mill-preżentatur x’inhu l-oġġett li jixtieq jakkwista biex ikabbar il-kollezzjoni, hu tenna li issa jmiss jinvesti f’PlayStation2.

Iltqajna wkoll ma’ Maurizio Banavage, ħaddiem fl-IT u kollezzjonist tal-apparat elettroniku li għandu l-fuq minn disa’ mitt biċċa fil-kollezzjoni tiegħu. Banavage u xi ħbieb tiegħu huma membri fi grupp ta’ dilettanti li flimkien bdew u kabbru din il-kollezzjoni. Minn żmien għal żmien jiltaqgħu wkoll ma’ studenti li jkunu qegħdin jagħmlu xi proġett relatat u permezz ta’ din il-kollezzjoni jkunu jistgħu jieħdu iktar esperjenza fil-prattika. Banavage u l-membri ta’ dan il-grupp għandhom ukoll it-tir li jiftħu mużew tat-teknoloġija sabiex il-pubbliku jkun jista’ jgawdi din il-kollezzjoni li tmur lura sal-1970.