Kollezzjoni ta’ iktar minn tlett elef bambin tal-Milied

Il-Milied iġib miegħu numru ta’ tradizzjonijiet sbieħ li jġegħeluna nidħlu fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien ta’ festi. ‘Popolin’ stħarreġ u ltaqa ma’ diversi Maltin dilettanti ta’ dawn it-tradizzjonijiet, uħud minnhom huma relattivament ġodda biss oħrajn imorru lura mijiet ta’ snin.

Spikkat kollezzjoni impressjonanti ta’ iktar minn tlett elef bambin, il-kollezzjoni ta’ Pawlu u Mary Pace li ilhom il-fuq minn tletin sena jikkollezzjonaw bambin wara ieħor. Pawlu spjega li għadhom sa llum il-ġurnata jiltaqgħu ma’ bambini li m’għandhomx bħalhom fil-kollezzjoni u għalhekk in-numru dejjem jikber. Mary spjegat li parti mix-xogħol li jagħmlu huwa r-restawr tal-bambini. Qalet li meta jsiefru għal xi btala mal-familja dejjem ifittxu xi bambin ġdid għall-kollezzjoni.

Iltqajna wkoll mal-familja Brincat li minn ġenerazzjoni għal oħra jaħdmu u jagħmlu restawr fuq figurini tal-Milied fosthom il-Madonna, San Ġużepp u l-bambin fil-maxtura. Qalulna li din hija r-raba’ ġenerazzjoni tal-familja li jagħmlu dan ix-xogħol, fil-mument jaħdmu żewġt aħwa u kuġin tagħhom. Spjegawlna li jaħdmu diversi tipi ta’ dekorazzjonijiet ta’ ġewwa, fil-fatt għandhom iktar minn ħamsa u għoxrin tip ta’ bambin differenti li jvarjaw fid-daqs minn ħames ċentimetri sa daqs ta’ tarbija reali. Il-proċess biex issir figurina jinvolvi ħafna xogħol u ħin għaliex l-ewwel irid isir mudell maħdum bl-idejn, wara isiru l-forom ibbażati fuq l-istess mudell u minn hemm jibda l-proċess biex tinħadem il-figurina li tkun magħmula mill-ġibs ta’ trab tal-irħam. Il-Familja Brincat daħlet f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali qalulna li “l-prodott Malti, hu x’inhu l-prodott iħabbata tajjeb ħafna mal-prodott barrani”.