Unjoni Ewropea
Kollox jibqa’ inċert: l-oppożizzjoni għal Timmermans terġa’ tinħass

Minkejja li Frans Timmermans, Viċi President tal-Kummissjoni Juncker u Kandidat ewlieni tas-Soċjalisti u Demokratiċi fl-aħħar Elezzjonijiet Ewropej,
qed jissemma b’insistenza li jista’ jkun il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, sorsi qalu lil Television Malta li kollox għadu miftuħ u inċert. kollox għad jista’ jiġri.

Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ġiet imsejħa barra minn żmienha, biex il-mexxejja Ewropej inkluż il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, flimkien jippruvaw jilħqu kompromess fuq min se jmexxi l-istituzzjonijiet ewlenin fil-ħames snin li ġejjin.

IL-LAQGĦA BDIET TARD  

Il-laqgħa ttardjat bi kważi sagħtejn hekk kif sal-aħħar baqgħu għaddejjin in-negozjati u t-taħditiet bil-President tal-Kunsill Donald Tusk jiltaqa’ ma’ diversi Prim Ministri, u bil-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel u l-President Franċiż Emmanuel Macron jiltaqgħu separatament anki mal-pajjiżi tal-Visegrad li qed jopponu b’saħħa n-nomina eventwali ta’ Timmermans.

IL-PROPOSTA TA’ TUSK

Hemm indikazzjonijiet li fil-laqgħa ħl-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk se jressaq proposta li permezz tagħha ħl-Presidenza tal-Kummissjoni tingħata lis-Soċjalisti u d-Demokratiċi u għaldaqstant Timmermans huwa meqjus il-kandidat numru wieħed. Bħala parti mill-ftehim, qed jingħad li l-Popolari Ewropej se jiġu offruti l-Presidenza tal-Parlament Ewropew u din jeħodha Manfred Weber, il-kandidat ewlieni tal-PPE fl-aħħar elezzjonijiet Ewropej. Il-PPE mistennija jiġu offruti wkoll ir-Rappreżentanza Għolja għall-Politika Barranija biex din possibilment teħodha l-Kummissarju Kristalina Georgieva, filwaqt li l-Liberali mistennija jiġu offruti l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew biex jeħodha l-PM tal-Belġju Charles Michel. Aktarx li l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali Ewropew possibilment tgħaddi għand Franċiż – u qed jissemma’ l-bankier Francois Villeroy de Galhau.

FTEHIM MILĦUQ F’OSAKA?

Il-ftehim dwar dan kollu jidher li ġie ssiġġillat f’Osaka meta wħud mill-mexxejja kienu qed jiltaqgħu għal-laqgħa tal-G20. Il-ftehim għandu l-approvazzjoni tal-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel. Mal-wasla tiegħu fi Brussell, il-President Franciz Emmanuel Macron fisser ruħu ottimist.

Din il-ġimgħa, fil-Parlament Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li Malta kienet qed tibqa’ tappoġġja n-nomina ta’ Timmermans.

IL-PAJJIŻI TAL-VISEGRAD MA JRIDUHX

Madanakollu l-arranġament jidher li ma niżilx tajjeb ma’ kulħadd tant li l-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban fl-aħħar ħinijiet f’ittra lill-Kap tal-Popolari Ewropej Joseph Daul saħaq li l-ftehim informali bejn Franza u l-Ġermanja ma jirrispettax ir-riżultat elettorali ta’ Mejju li għadda u li fih il-Popolari kisbu l-maġġoranza tal-voti. Il-partit Fidezs ta’ Orban bħalissa jinsab sospiż mill-PPE.

Il-Polonja llejla wkoll taf topponi n-nomina ta’ Timmermans bil-PM Pollakk Mateusz Morawiecki sostna li l-UE għandha bżonn President tal-Kummissjoni li jifhem l-Ewropa Ċentrali u li jkun jgħaqqad u ma jkunx diviżiv. Kemm il-Polonja u l-Ungerija fi snin riċenti kienu kkritikati minn Timmermanns u għaldaqstant sorsi qed ibassru li s-summit tal-lejla mistenni jkun jaħraq.

Pajjiżi oħrajn li jistgħu jopponu lil Timmermans huma pajjiżi oħra tal-Visegrad bħas-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, u r-Rumanija.

ANKI FL-EPP HEMM MIN MA JAQBILX

Intant interessanti li l-ftehim ma niżilx tajjeb lanqas mal-alleati ta’ Merkel bil-PM Irlandiz Leo Varadkar qal li fl-EPP hemm reżistenza għall-ftehim li hija laħqet f’Osaka.

MEĦTIEĠA MAĠĠORANZA KWALIFIKATA

Sabiex il-Kunsill jinnomina lil xi ħadd għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea flok Juncker, hu meħtieġ li fil-Kunsill ikun hemm maġġoranza kwalifikata ta’ 21 minn 28 Kap ta’ Gvern li jaqblu. In-nomina tal-President tal-Kummissjoni Ewropea eventwalment tkun trid titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew li mistenni jiltaqa’ għall-ewwel darba din il-ġimgħa.

Skont it-Trattati tal-UE, il-karigi l-ewlenin tal-UE jridu jkunu jirriflettu d-diversità ġeografika u politika fl-Ewropa kif ukoll jridu jkunu rappreżentattivi bejn is-sessi. U dan saħaq fuqu ħafna l-PM tal-Estonja Juri Ratas.

IKOMPLU GĦALL-KOLAZZJON T’GĦADA ?

Il-laqgħa tal-lejla li damet ma bdiet mistennija ttul sa tard bil-lejl u possibilment il-mexxejja Ewropej jerġgħu jiltaqgħu għada filgħodu għall-kolazzjon. Il-PM tal-Lussemburgu Xavier Bettel fisser ruħu fiduċjuż li sa għada filgħodu jkun hemm soluzzjoni ċara fuq il-mejda għalkemm x’tista’ tkun dik is-soluzzjoni għadu mhux ċar għal kulhadd.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-Gvern biex jgħin bi kwalunkwe mod possibbli biex itaffi xi ftit mill-piżijiet finanzjarji meħtieġa biex jitmexxa s-santwarju tal-Arka ta’ Noe fil-Mellieħa fejn…

Politika

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ikkonkluda li stqarrija li l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici ħareġ, permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, ma kinitx tikser il-kodiċi ta’ etika. Il-Kummissarju Hyzler investiga ilment imressaq mill-Avukat…

Immigrazzjoni

Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet li l-Guardia Costiera Taljana m’għandhiex permess iddaħħal f’Malta 90 immigrant li ġew salvati dal-lejl. Il-Forzi Armati jisħqu li kienu qed isegwu s-sitwazzjoni tal-immigranti li…

Edukazzjoni

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, Charles Caruana Carabez, qal li se jinvestiga kemm hi kbira l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema wara li fl-aħħar jiem uffiċjali fil-Ministeru għall-Edukazzjoni ndikaw li tista’ tinħareġ sejħa…

Aktar