Annimali
Kolonji ta’ naħal mhux joħorġu jirgħu għax imbeżżgħin mill-bagħal taż-żunżan

Numru ta’ kolonji tan-naħal mhux joħorġu jirgħu minħabba l-biża’ mill-bagħal taż-żunżan.

Hekk stqarr ma’ tvm.com.mt kelliem għall-Bee Savers Malta meta mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tan-naħal fl-isfond taż-żieda fin-numru ta’ bagħal taż-żunżan.

L-għaqda li taħdem favur il-ħarsien tan-naħal tellgħet filmat fuq il-paġna tagħha tal-Facebook ta’ każ f’Ħaż-Żabbar fejn kolonja ta’ naħal ġiet salvata minn attakk tal-bagħal taż-żunżan.

Il-kelliem tal-Bee Savers Malta qalilna li l-bagħal taż-żunżan sab fejn kien il-ferħ naħal u qagħad jistenna fid-daħla biex jaħtaf xi naħla ħalli jmur biha fil-kolonja tiegħu biex jitma’ lill-frieħ tiegħu.

Huwa qalilna li l-bagħal taż-żunżan ġie rrekordjat għall-ewwel darba f’Malta fis-snin 50 imma kien fl-aħħar snin li ġiet innutata preżenza qawwija tiegħu tant li xi kolonji naħal mhux joħorġu minħabba fih.

Mistoqsi għal xiex jattribwixxi din iż-żieda, il-kelliem qalilna li l-fenomenu għadu qed jiġu studjat u s’issa mhux magħruf għaliex.

“Peress li l-Oriental Hornet jiekol il-laħam qed ikun aktar faċli għalih biex jgħix mentri n-naħal irid il-fjuri. Il-fjuri qegħdin jonqsu minħabba l-urbanizzazzjoni u l-ħela tal-ikel mill-bniedem u ikel tal-qtates li nħallu barra”.

Huwa żied li jekk jiġi ddisturbat il-bagħal taż-żunżan jista’ jimmobilizza l-kolonja kollha biex jattakka u wissa li t-tingiża tiegħu ġeneralment perikoluża għall-bniedem.

Il-konsegwenzi għat-tingiża tiegħu jistgħu jvarjaw minn allerġiji qawwija għal każijiet rari ta’ mwiet.