Toroq
Konġestjoni u inċidenti – x’tista’ tagħmel biex jonqsu?

Ir-ritorn tal-għalliema u l-istudenti kollha fl-iskejjel żied il-karozzi fit-toroq mas-sebħ u kmieni wara nofsinhar. It-traffiku f’dawn il-ħinijiet tal-ġurnata mistenni jkompli jiżdied mit-Tnejn li ġej meta tibda s-sena akkademika fl-Università u l-MCAST.

Waqt li l-awtoritajiet għandhom jipprovdu toroq b’infrastruttura tajba u inizjattivi oħra bħal servizz tajjeb ta’ trasport pubbliku u trasport organizzat għall-iskejjel, is-sewwieqa wkoll għandhom ir-responsabilitajiet tagħhom fit-triq.

Bi preżenza kontinwa fit-toroq, il-membri tat-Taqsima tat-Traffiku tal-Pulizija jagħmlu xogħol ta’ kontroll ta’ traffiku, sorveljanza tal-liġijiet u r-regolamenti tas-sewqan u inizjattivi edukattivi. Ma’ Television Malta, l-Ispettur Pierguido Saliba wera l-fehma li fit-triq, tgħallem ħafna l-imġieba tas-sewwieqa… it-tħaddim tas-sens komun u l-etika.

“Jekk jien għaddej minn triq prinċipali d-dritta hija tiegħi u hemm side street li naf li ħiereġ volum kbir minna, mhu ħa nitlef xejn billi nċedi lil wieħed, ngħaddi jiena mbagħad, ta’ warajja jagħmel l-istess, hekk jiġu evitati dawn il-bottlenecks, jiġu evitati wkoll dawk it-tailbacks qawwija u jiġu evitat ukoll li kulħadd jagħfas fl-intersection bil-konsegwenza li l-intersection teħel,” qal Pierguido Saliba, Spettur fit-Taqsima tat-Traffiku.

Żied jgħid li hemm għadd ta’ affarijiet li għalkemm jistgħu jidhru bħala nuqqasijiet żgħar jagħmlu differenza; bħal min ma jużax l-indicators, jew li jindika li se jikser naħa jew oħra fl-aħħar ħin. Saħaq li t-tabelli fit-toroq mhumiex qegħdin għalxejn. Semma n-nuqqas ta’ distinzjoni li ssir minn sewwieqa bejn ‘stop’ li tesiġi li l-vettura tieqaf kompletament u l-‘give way’ fejn tnaqqas il-veloċita’ u jekk għandek ċans toħroġ mingħajr ma ttellef lil ħaddieħor.

Hemm imbagħad id-dnubiet mejta fis-sewqan, li jistgħu ikunu l-qattiela fit-toroq, bħall-użu tal-mobile jew tagħmir ta’ komunikazzjoni u n-nuqqas ta’ konċentrazzjoni u kontroll sħiħ tal-vettura.

“Għandna min ikun qed jara – jużaw laptops – biex jaraw film waqt li qegħdin isuqu. Hemm distrazzjonijiet mhux daqshekk teknoloġiċi, bħal gazzetti, kotba, invoices qegħdin jiċċekjawhom, jissortjawhom waqt li għaddejjin bit-truck mgħobbi sa ruħ ommu bl-affarijiet – itqal mis-soltu – ikun jeċċedu l-erba’, ħames tunellati u għaddejjin jirranġaw l-invoices – dak hu ta’ periklu,” qal l-Ispettur Saliba.

Daqstant ieħor hu s-sewqan li jaqbeż il-limitu ta’ 50 kilomteru fis-siegħa fl-abitat u 80 kilometru fis-siegħa mhux fl-abitat. L-Ispettur spjega li hemm ċirkustanzi fejn il-limitu tal-veloċita’ hu anqas, ħaġa li saħaq ma ssirx b’kapriċċ.

“Jekk tħares inti u ħiereġ mill-mina ta’ taħt l-iskatepark, sejjer direzzjoni lejn l-mina ta’ Santa Venera hemmhekk hemm tabella ikbar min-normal li tindika l-ispeed limit ta’ 40. L-ispeed limit ta’ 40 qiegħed hemmhekk speċifikament għaliex mhux minħabba li hemm problema fit-toroq imma l-mod ta’ kif taħdem il-psikoloġija tax-xufier qed ikun hemm speed aktar eċċessiv u allura mhumiex qed ikunu jifilħu għal dik il-kurva.”

L-Ispettur Saliba appella lis-sewwieqa biex jaħsbu aktar bil-quddiem, billi jantiċipaw dak li jista’ jiġri f’ċirkustanzi differenti u jadattaw għalih.

 

Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar