Lokali
‘Konna nħossuna f’gaġġa u issa qed niskopru lilna nfusna’ – studenti

X’aktarx ittimbrati bħala studenti mqarbin għax ma jridux jafu bl-iskola. B’konsegwenza ta’ hekk jispiċċaw imwarrbin bil-periklu li jintilfu mis-sistema edukattiva.

L-Education Hub fl-Imsida sservi ta’ lqugħ għal dawn l-istudenti li jkunu ġejjin minn sfond familjari diffiċli u jkollhom problemi ta’ mġiba.

Television Malta tkellem ma’ żewġ studenti li stqarru li kienu jħossuhom f’gaġġa meta kienu jkunu fil-klassi u l-Education Hub serva ta’ opportunità biex jikkalmaw u jiskopru mill-ġdid lilhom infushom.

Dejean Cuschieri għandu 15-il sena. L-iskola kien imur ta’ bilfors. Mhux darba u tnejn li qala’ tbeżbiża minħabba mġibtu u spiċċa wara l-bieb tas-surmast.

“Ma tantx kont ningwalaha mat-teachers għax persuna li ma tantx inħobb noqgħod bilqiegħda. Taqbiżli ħafna bilqiegħda.”

Iż-żagħżugħ għandu għal qalbu t-tisjir u għandu ħolma li jsir kok. Kompla jirfina t-talent tiegħu fi 3 snin li ilu jattendi l-Educaton Hub. Din is-sena se jagħmel ukoll l-O Level tal-Matematika.

“Hawnhekk happy u hekk. Niġi għal qalbi vera. Għal qalbi niġi. L-għalliema vera ok u hekk.”

Ta’ kuljum isajjar għall-istudenti sħabu.

“Tajjeb għax ħadd ma maqdar l-ikel tiegħi jew hekk. Żgur? Żgur. Naf fiċ-ċert. Kulħadd qalli kemm hu tajjeb.”

Bħal Dejean, Mirco Callus kien kemxejn imqarqaċ l-iskola. Ilu 3 xhur jattendi l-Education Hub. F’dan il-perjodu skopra s-sengħa li jrid jaqbad,dik tal-welding.

“Hawnhekk hawn ħafna iktar lezzjonijiet li nħobb u niddedika ruħi għalihom.”

L-istudenti jħossu li l-Education Hub hi l-aqwa skola qatt marru f’għomorhom.

“Ma’ kulħadd inħossni komdu. Din l-iskola tal-ġenn. Anki t-teachers. Jekk ikolli bżonn xi ħaġa jgħinuni mill-ewwel.”

“Jekk taqta’ qalbek inti mhux se tibqa’ taħdem fuqha. U jekk tfalli, trid terġa’ tipprova sakemm jirnexxilek.”

L-Assistent Kap tal-Education Hub, Noel Calleja, stqarr li dawn l-istudenti huma vittma ta’ soċjetà li qed tittimbrahom qabel biss jibdew.

“U aħna mhux għalxejn qegħdin hawn. U aħna xi rridu nagħmlu. U aħna billi nagħmlu l-eżamijiet. Għaliex? Għax jekk dawk mindu kienu żgħar, semgħu li mhuma tajbin għal xejn. Jien tweġġagħni ħafna li jgħidulhom studenti with challenging behaviour. Diġà laqqamniehom dawn. Le. Dawn huma l-istudenti. Ejja naraw x’talenti għandhom. Ħadd mhu għar-rimi.”

Dawn iż-żgħażagħ huma fost 19-il student li jattendu l-Education Hub fl-Imsida li tilqa’ studenti subien bejn it-12 u s-16-il sena.

“Bħala skola l-għan tagħha hu li noffru programm alternattiv lill-istudenti li għandhom diffikultajiet soċjali u emozzjonali u ta’ mġiba, u ngħinuhom biex ikunu jistgħu jiffunzjonaw fis-soċjetà u meta jispiċċaw minn magħna, jibdew jaħdmu jew saħansitra jkomplu jistudjaw.”

L-istudenti jiġu mgħallmin suġġetti akkademiċi fosthom il-Malti u l-Ingliż u diversi snajja’ fosthom xogħol tal-injam, tad-dawl u l-arti.