Lokali
Konrad Mizzi reġa’ rrifjuta t-talba li jixhed quddiem il-PAC

Id-deputat Konrad Mizzi reġa’ rrifjuta t-talba tal-Kumitant dwar il-Kontijiet Pubbliċi biex jitla’ jixhed dwar l-investigazzjoni li għamel l-Awditur Ġenerali tal-kuntratt tal-Electrogas.

Fl-aħħar laqgħa tal-kumitat, il-membri kollha tal-kumitat, erbgħa tal-gvern u tlieta tal-oppożizzjoni qablu b’mod unanimu li jerġgħu jsejħu lil Mizzi jixhed quddiem il-kumitat. Min-naħa tiegħu dalgħodu d-deputat indipendenti kiteb lis-Segretarja tal-Kumitat u informaha li mhux ser jattendi għal-laqgha tal-lum.

Fl-email tiegħu huwa elenka l-istess raġunijiet li għalihom ma telax jixhed il-ġimgħa li għaddiet. Tenna li huwa dritt tiegħu li ma jitlaqx quddiem il-kumitat kif isir fil-proċeduri parlamentari kostanti.

Madankollu ċ-Chairman tal-Kumitat Beppe Fenech Adami qal li dan mhuwiex veru għax telgħu diversi deputati quddiem il-Kumitat fosthom Lawrence Gonzi u Owen Bonnici.

Id-deputat Konrad Mizzi qal li hekk jiġri wkoll fil-Parlament Ingliż li fuqu jimxu l-proċeduri fil-Parlament Malti iżda hawn ukoll, Fenech Adami qal li mhux veru għax qal li diversi ministri u deputati parlamentari Ingliżi dehru quddiem kumitati differenti fir-Renju Unit u jekk ma jitilgħux ikun il-Parlament li jordna biex id-deputat jixhed.

Il-membru Karol Aquilina ressaq mozzjoni biex ikun il-Parlament li jordna lil Mizzi jitla’ jixhed dwar il-kuntratt tal-Electrogas kif isir fir-Renju Unit.

Il-Kumitat kien sospiż fuq talba tal-membri tal-Gvern biex dawn jikkonsultaw dwar x’għandu jsir f’din iċ-ċirkustanza.

Il-membri tal-Gvern qalu li hemm nuqqas ta’ qbil ta’ proċedura u talbu biex ikun l-Ispeaker li jiddeċiedi. Madankollu l-membri tal-Oppożizzjoni insistew li għandu jkun il-parlament li jiddeċiedi.

Il-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw favur filwaqt li l-membri tal-Gvern ivvutaw kontra li l-parlament jiddeċiedi li Konrad Mizzi jitla’ jixhed quddiem il-Kumitat.

Il-kwistjoni tmur quddiem l-Ispeaker 

Intant l-interpretazzjoni ta’ Mizzi dwar ir-regoli parlamentari se tiġi ppreżentata għall-interpretazzjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia, wara li l-whip tal-Gvern Glenn Bedingfield ressaq mozzjoni biex ikun l-Ispeaker li jiddeċiedi dwar din il-kwistjoni.

Mizzi għandu jidher quddiem il-PAC – Clyde Caruana

Bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li fil-Kamra li Mizzi għandu jirrispetta l-Kumitati Parlamentari u jitla’ jixhed u jwieġeb il-mistoqsijiet tad-deputati.