Lokali
Konsultazzjoni biex iċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabiltà jkollhom standards soċjali

Tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika biex fi żmien xahrejn, iċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabiltà jkollhom standards soċjali u linji gwida.

Tlettax-il ċentru għal persuni b’diżabilità mmexxija mill-Aġenzija Sapport se jkunu regolati b’sett ta’ sitt standards soċjali, maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ madwar 350 persuna li jużaw is-servizzi tagħhom. Fit-tnedija ta’ dokument għall-konsultazzjoni pubblika, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, Matthew Vella, qal li l-istandards se jinvolvu aktar lill-persuni li jużaw is-servizzi fid-deċiżjonijiet.

Matthew Vella qal “wieħed mill-iktar punti li se naraw li għalkemm illum hemm programm personaliżżat għal kull individwu, se naraw il-mod kif isiru r-reviews, il-mod kif jiġu dawn żviluppati. Irridu li l-persuna tkun aktar involuta f’kull deċiżjoni li tittieħed.”

Is-Sur Vella qal li mill-bidu ta’ Jannar, l-Awtorità għamlet 112-il żjara f’dawn iċ-ċentri biex tevalwa is-sitwazzjoni mill-qrib. Qal li fil-perjodu ta’ konsultazzjoni sal-aħħar tax-xahar, l-Awtorità ser tidħol fi djalogu mal-entitajiet qabel l-istandards jidħlu fis-seħħ f’Mejju.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabiltà, Anthony Agius Decelis, qal li l-istandards se jirriflettu drittijiet bażiċi tal-persuni, jiżguraw il-kwalità tas-servizz, waqt li mistennija jkabbru l-indipendenza tal-parteċipanti.