Lokali
Konsultazzjoni pubblika dwar żewġ emendi fil-liġi biex jissaħħu d-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà

Bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar żewġ emendi fil-liġi dwar Opportunitajiet Indaqs u l-liġi dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. L-għan ta’ dawn l-emendi fil-liġijiet huwa li jsaħħu id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà filwaqt li se tissaħħaħ ukoll il-funzjoni tal-kummissjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, is-CRPD.

Tnedew għall-proċess tal-Konsultazzjoni Pubblika l-Att li jemenda l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs; u l-Att dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li bl-att se jkun qed jinħoloq qafas legali għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u struttura sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu rimedju meta ssirilhom diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li tesiġi l-Konvenzjoni.

Qalet li bl-emendi se tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Kummissjoni għall-Persuni b’Diżabiltà bħala regolatur nazzjonali.

“Irridu naraw li l-irwol tac-CRPD jinbidel u jkompli jevolvi qed naraw li fix-xhur li ġejjin numru ta’ servizzi li tipprovdi bħalissa is-CRPD jkunu konsolidati taħt l-ministeru u l-istrutturi tiegħu biex il-focal point imbagħad tac-CRPD tkun tista’ tinvestiga u tagħmel monitoraġġ u tara li l-liġijiet tal-pajjiż jkunu preservati”.

Il-Ministru Farrugia Portelli aċċennat li dawn l-emendi leġislattivi jippermettu persuni b’diżabilità, il-familji tagħhom u l-għaqdiet li jirrapreżentawhom f’dan l-istadju tal-konsultazzjoni pubblika sabiex jassiguraw li l-liġijiet, li fuqhom se jkun imsejjes il-futur ta’ dan is-settur, jkunu rappreżentativi għax-xewqat u l-interessi tagħhom.

Il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabiltà Samantha Pace Gasan qalet li s-sena l-oħra saru 560 ilment dwar diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabbiltà li l-maġġoranza tagħhom kienu jikkonċernaw diżabbiltajiet fiżiċi.

Sostniet li dawn l-emendi se jsaħħu id il-konvenzjoni biex twettaq investigazzjonijiet dwar każi ta’ abbużi.

“Aċċessibiltà fiżika u anki fejn jidħol issues dwar abbuż fuq blue badge u parkeġġ pero’ kif aċċennajt ukoll il-kwistjoni ta’ persuni b’diżabbiltaà jmorru lil hinn minn kunċett ta’ aċċessibilta fiżika imma anki fejn tidħol edukazzjoni u parking, impjiegi u fejn jidħlu diversi setturi oħrajn”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika ta’ dawn iż-żewġ atti bħalissa huwa miftuħ u jagħlaq fis-16 ta’ Ġunju.