Lokali
Konsultazzjoni pubblika għal titjib fid-djar tal-anzjani

Tnediet konsultazzjoni pubblika dwar kundizzjonijiet ġodda għall-persuni li jgħixu fid-djar tal-anzjani u għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja.

Il-Ministru għall-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia qal li madwar elf anzjan u anzjana jgħixu f’dawn id-djar u jbatu minn din il-kundizzjoni, bl-għadd ta’ pazjenti bid-dimensja mistenni jkompli jiżdied fis-snin li ġejjin.

Qal li l-linji gwida ġodda jikkonsistu f’seba’ sezzjonijiet u jkopru taħriġ għall-persuni u professjonisti li jaħdmu fis-settur.

Jipproponu wkoll it-tfassil ta’ pjan personalizzat għall-kura lil kull pazjenti u l-qraba tagħhom li huwa msejjes fuq il-ħtiġijiet u l-kundizzjoni speċifika tagħhom.

Il-Ministru Farrugia ħabbar ukoll li dalwaqt se jkun hemm żewġ ċentri speċjalizzati li joperaw 24 siegħa kuljum, matul il-ġurnata u l-lejl għall-persuni li għandhom id-dimensja.

“Se nressqu għall-konsultazzjoni pubblika standards ġodda ta’ kif il-mod kif persuna anzjana bid-dementia, is-sitazzjoni f’dik id-dar li jrid jsib quddiemu, li tkun addattata għalih, il-care plan li ssir għal dik il-persuna, mhux dik il-persuna biss, għalih u l-familja tiegħu.”

Il-Ministru Farrugia qal li l-linji gwida huma biss il-preludju għall-strateġija holistika li se twassal għall-titjieb ġenerali fl-istandards fid-djar tal-anzjani.

Huwa ħabbar li iżjed tard dan ix-xahar se jitħabbru wkoll linji gwida ġodda dwar standards li japplikaw għad-djar residenzjali kollha tal-anzjani inkuż San Vinċenz de Paule u dawk privati.

“Apparti mill-istandards tal-llum, ftit tal-jiem oħra se nkunu qed nħabbru standards oħrajn għad-djar tal-anzjani biex eventwalment il-kwalità ta’ kura li nagħtu dejjem tkun ogħla… l-anzjan jixraqlu aħjar.”

Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-linji gwida għall-pazjenti bid-dimensja huwa miftuħ għall-sitt ġimgħat.