Enerġija
Konsum akbar ta’ dawl u sħana qawwija wasslu għal ħsarat fil-cables

Rappurtati tmienja u għoxrin każ ta’ ħsara fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-aħħar sitt ijiem. Dawn wasslu biex diversi esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta Jason Vella, qal li b’differenza mis-soltu, il-ħsara seħħet f’daqqa u saret aktar f’żoni residenzjali, fosthom billi aktar nies qed iqattgħu ħin id-dar minħabba l-pandemija.

L-Enemalta spjegat li ż-żieda fit-temperatura kienet il-kaġun ewlieni għall-qtugħ fil-provista tal-elettriku f’diversi postijiet madwar Malta u Għawdex. Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija qal li minkejja li dawn iċ-ċirkustanzi jiġru kull sajf fosthom minħabba ‘cables’ antiki fis-sistema tad-distribuzzjoni, din id-darba kien hemm ħafna ħsara li seħħet f’daqqa, bi 28 każ f’sitt ijiem.

Kompla li minflok f’żoni turistiċi kif isir is-soltu, il-ħsara saret l-aktar f’żoni residenzjali minħabba li aktar nies qed iqattgħu ħin id-dar. Fost iż-żoni l-aktar milquta kien hemm Birkirkara, n-Naxxar, Ħal Għargħur, il-Gudja, Ħal Għaxaq u ż-Żejtun.

“L-inġinier Vella qal li għal terz tal-klijenti l-qtugħ ma damx aktar minn 10 minuti waqt li 80 fil-mija tal-klijenti ma damux aktar minn siegħa mingħajr dawl. Mistoqsi minn TVM x’jiġri f’każi ta’ ħsarat fl-appliances, fosthom meta jitbaxxa d-dawl f’daqqa, l-Inġinier Vella qal li wieħed jista japplika għall-kumpens skond proċeduri stabbiliti,” qal l-Inġinier Vella.

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia qal li fl-aħħar jiem, il-Gvern approva li fit-tliet snin li ġejjin jsir xogħol fuq networks antiki u problematiċi biex jiġu eliminati problemi bħalma ġara fl-aħħar jiem.