Qorti
“Kont f’relazzjoni abbużiva u Joseph ġabarni minn xagħri” – l-għarusa tal-akkużat

Il-kumpilazzjoni tal-lum bix-xhieda tal-Ispetturi Keith Arnaud u John Spiteri fl-awla, kienet segwita mix-xhieda tal-għarusa ta’ Joseph Bonnici, li qed ikun akkużat bil-qtil t’ommu Maria Lourdes Bonnici u t’oħtu Angele Bonnici.

Amanda Camilleri, li għandha 30 sena, ilha disa’ snin f’relazzjoni ma’ Bonnici. Fil-Qorti qalet kif l-Erbgħa 27 ta’ Marzu, kif waslet mix-xogħol wara 6.30pm, Joseph qalilha li ommu u oħtu kienu neqsin għax missierhom qed iċemplilhom u mhux jirrisponduh.

Hi u Bonnici fetħu lill-pulizija biex jidħlu fir-residenza ta’ ommu u oħtu. Tgħid ukoll li dakinhar Bonnici kien mar ma’ zitu u qala’ kantun biex ikollu aċċess għar-residenza t’ommu biex jara x’hemm fuq.

Jumejn wara marret l-għassa taż-Żejtun darbtejn, fejn l-ewwel kellmet lill-Ispettur u filgħaxija kien ċemplilha Joseph biex tmur hemm. Tgħid li fil-karozza Joseph beda jgħidilha “skużani” l-ħin kollu. “Ikrollajt, kelli wisq emozzjonijiet,” tgħid li kellha ‘breakdown’ u li minn kollox beda għaddej minn moħħha. “Jien moħħni fihom kien.”

Tirrakkonta li ma kinux imorru spiss għand omm u oħt Bonnici. Hi kienet ilha 9 snin tgħix miegħu, fejn tgħid li hu kien jorqod fis-sular t’isfel u hi fis-sular ta’ fuq.

Tgħid li għalkemm bħala familja ma kinux ‘close’, iżda kull meta xi ħadd ikollu bżonn xi ħaġa, kienu jgħinu lil xulxin, inkluż lilha. Min-naħa tiegħu Bonnici, li kien jaħdem bid-delivery, kienu jqabbduh maintenance fid-dar. Meter tad-dawl hemm wieħed għaż-żewġ plots, u kienu jħallsuh nofs bin-nofs.

Angele kienet qalet lill-għarusa ta’ ħuha li kien messha meta kienu żgħar

“Angele kienet qaltli li meta kienu żgħar, ħuha kien messha,” tgħid Camilleri. “Qalet li ommha kienet taf b’kollox u meta staqsietha jekk ommha sabitx għajnuna, dawritli d-diskors.” Tispjega li Joseph ikbar minn Angele tmien snin. Meta kienet iffaċċjatu biha hu weġibha: “Inti taf lili u taf lil oħti.” Tiftakar kif fil-bidu li bdiet toħroġ miegħu, kien hemm oħtu bil-bikini u kellha musmar fil-parti tagħha, u neħħiet il-qalziet biex turihulu.

Tirrakkonta li Joseph kien qalilha li fil-passat kellu relazzjoni ma’ tfajla oħra, u li din kienet għamlet suwiċidju, iżda ma kienx qalilha r-raġuni. Tgħid li ommu, Lourdes, kienet qaltilha dal-kliem dwarha: “Miskina talli għamlet, però t-tifel ma kinx ħaqqu lilha, għax ma kinetx taħdem u dejjem tobrom minn fuqu.”

Camilleri tkompli tgħid li Lourdes kienet għamlet cameras tas-sigurtà fir-residenza tagħha, iżda qatt ma staqsietha għaliex għamlithom. “Lourdes dejjem kellha dik il-mania li se jidħlu jisirquha,” tgħid Camilleri, filwaqt li ssemmi inċident fejn Joseph u ommu kienu fuq il-bejt u ta’ ma’ ġenbhom qabżu fuq il-bejt tagħhom.

Tispjega li l-bieb diviżorju dejjem hekk tiftakru, jinfetaħ biss minn naħa t’ ommu, mhux min-naħa tagħha u ta’ Joseph. Angele kienet traqqad il-karozza fil-garaxx ta’ Joseph, u kulħadd kellu ċavetta għall-garaxx, imbagħad il-koppja kellhom bieb minn ġol-garaxx, għar-residenza tagħhom.

Fis-26 ta’ Marzu, filgħaxija wara x-xogħol, ħarġet mal-ħabiba, marret tiġbed mill-ATM u ħaslet il-karozza fil-pompa ta’ Bir id-Deheb, imbagħad marret id-dar biex tieħu basket lil ommha, u marret għand ommha. Tgħid li ma tafx x’ħin daħlet lura dar, iżda x’ħin marret għall-basket id-dar kienet mitfija, il-basket kien fuq il-mejda, qabditu u telqet.

Tgħid li qatt ma kien jitkellem kontra ommu jew oħtu

Fil-kontro-eżami minn mill-Avukat Franco Debono, li qed jirrappreżenta lil Joseph Bonnici, Camilleri qalet li kienet taf bl-istorja ta’ missieru, li qatel lill-ġirien, u li ġieli marret ma’ Joseph biex iżuruh fil-ħabs. Ma tiftakarx b’xi episodji li setgħu ħallew impatt fuq Joseph. Tgħid ukoll li Lourdes kienet qaltilha li missierha kien ġie maqtul f’Ħal Kirkop, u meta staqsiet lil Joseph dwarha kien ikkonferma.

Ma tiftakarx li Joseph qalilha li jsofri minn xi stigma. Tisħaq li Joseph kellu rispett kbir lejn oħtu, tant li fil-bidu tar-relazzjoni tagħhom, kien ħa lil oħtu fejn taħdem hu, u meta marret tgħix miegħu, Angele kienet qaltilha li riedha tmur miegħu biex tara jekk hix tifla sew. “

Camilleri tiddeskrivih bħala “the most amazing person” li taf. Tgħid li kienet f’relazzjoni abbużiva ta’ 4 snin u kien Joseph li ġabarha minn xagħarha. Issostni li f’9 snin dejjem rat rispett u mħabba mingħandu, anki mal-annimali li jżommu, u li dejjem ikun kalm magħhom.

Tgħid li ma tiftakarx b’xi inċidenti bejn Joseph u familtu, u li magħha qatt ma qal xi ħaġa ħażin kontra ommu jew oħtu.

Ara wkoll:

Mill-Qorti: Tajjar is-salvavita biex jonsob lil ommu u lil oħtu qabel qatilhom

Il-Pulizija ntebħet li kellu l-faħam miblul mill-bikja tat-tfajla tiegħu

Aħbarijiet Oħra
Politika

F’kollegament dirett ma’ TVM, fuq il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista Norma Saliba, l-uffiċjal tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li ħarġu xi riżultati proviżorji mill-ewwel għadd tal-voti. Dr Miriam Dalli għall-Partit Laburista…

Elezzjoni

Mis-sala tal-għadd tal-voti, dawk preżenti jinsabu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni tal-vot – fejn il-voti li warrbu l-iscanners iridu jiġu aġġudikati mir-rappreżentanti tal-partiti fejn jieħdu deċiżjoni finali fuqhom. Il-proċess tat-35,00o vot aġġudikati jitlob…

Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qasam xi ritratti fuq il-midja soċjali biex jirringrazzjja lil dawk kollha li ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar tliet ijiem, hekk kif saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali 2019….

Aktar