Lokali
“Għamilt żmien lanqas irrid noħroġ mid-dar” – tfajla mċaħħda mix-xogħol minħabba d-dehra

Claudia Diacono ilha erba’ xhur impjegata fil-qasam li fih hi kkwalifikata: il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti. Madankollu għamlet żmien tfittex ix-xogħol, u wara li attendiet interviews, saret taf li ma ġietx impjegata minħabba d-dehra tagħha.

Claudia għandha 27 sena. Is-sena l-oħra, kellha l-opportunità li tagħmel xogħol waqt il-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Meta ġie fi tmiemu dan l-avveniment, applikat għal xogħol ġdid. Ma ntgħażlitx għax qalulha li m’għandhiex figura tajba u li għandha piż żejjed.

Claudia Diacono qalet ”dik hija xi ħaġa li dak iż-żmien vera weġġgħatni għax ma nippretendix li kumpanija tagħti jew tiġġudika persuna, anki meta tara l-kwalifiki u tara l-proġett li għadni kemm spiċċajt, għax m’għandix il-looks addattati.”

Claudia stqarret ma’ TVM li din l-esperjenza kissritha. “Kont għamilt żmien lanqas irrid noħroġ mid-dar. Il-ħin kollu rrid norqod u iva kien hemm bżonn li nfittex l-għajnuna kif fil-fatt għamilt.”

Fl-aħħar xhur, Claudia fittxet l-għajnuna professjonali ta’ psikologu. ”Wara l-esperjenza qarsa tas-sena l-oħra, u speċjalment dik il-kelma li baqgħet ittambar f’moħħi ‘You don’t have the looks’, qisni mort nimmuddella, kelli nikkunsidra ħafna għażliet, fosthom anki t-tabib tiegħi mexxieni biex forsi nikkunsidra għal operazzjoni biex nidher aħjar fid-dehra,” qalet Claudia.

Claudia wasslet ukoll appell lil min iħaddem. “Meta jmorru għal interview ma jiġġudikawx fuq dak li jidher barra.”

Claudia esprimiet tama li l-esperjenza tagħha tgħin nies oħra li għaddew minn esperjenza simili. Appellat lil dawn in-nies biex ifittxu l-għajnuna għax fi kliemha m’hemm xejn li jġiegħlek tistħi għax tirrikorri għall-għajnuna.