Lokali
“Kont il-pilastru tagħna” – bint l-eks suldat li miet wara li waqa’ minn gallarija f’Wied il-Għajn

Bint Mario Mifsud, l-eks suldat li tilef ħajtu lbieraħ wara waqgħa minn gallarija f’Wied il-Għajn, sellmet il-memorja ta’ missierha fuq il-midja soċjali permezz ta’ messaġġ li jmiss il-qlub.

F’kitba fuq il-profil tagħha ta’ Facebook, Althea Mifsud stqarret li għadha ma tistax temmen kif missierha kellu jħalli din id-dinja bħal sajjetta fil-bnazzi. Hija fakkret il-bżulija ta’ missierha, li qalet li xammar il-kmiem lejl u nhar biex dejjem iżomm il-familja fuq wiċċ l-idejn. Qalet, li missierha sikwit kien ikunilha ta’ spalla b’pariri siewja u professjonali. Tant, li ddeskrivietu anki bħala ħabib kbir tal-qalb.

Żiedet, li missierha kien jidħol għal kull sfida għax kien bniedem mimli bil-kuraġġ u li ma jaqta’ qalbu qatt. Hija rringrazzjatu talli għallimha l-valuri tal-ħajja u talli kien il-pilastru tal-familja. Qalet, li t-tagħlimiet tiegħu se tibqa’ tħaddanhom b’għożża għall-eternità.

Mario Mifsud tilef ħajtu fl-età ta’ 59 sena wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular minn gallarija ta’ residenza fi Triq Ġebel f’Wied il-Għajn. Huwa miet wara li kien ilu tmint ijiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.

Il-mewt ta’ Mifsud ġabet reazzjonijiet minn bosta. Eks kollegi sħabu li sellmu l-memorja tiegħu ddeskrivewh bħala raġel maħbub u rrispettat.