Mużika
“Kont inċert ta’ x’qed jiġri madwari u ktibt diska ta’ tama” – Kersten Graham b’kanzunetta ġdida

Il-ħajja miżgħuda tlajja’ u nżul. Mhux dejjem kollox jimxi ħarir. Meta jfeġġ xi ntopp dak li jkun aktarx li jirrikorri għal xi ħaġa li hija għal qalbu bit-tama li jerġa’ jiġi f’tiegħu mill-aktar fis. Fost l-oħrajn, f’ċirkostanzi iebsa bħal dawn jaf dak li jkun jagħtiha għall-mużika u jħarbex erba’ kelmiet bil-għan li jsib refuġju fil-lirika tiegħu. B’dan il-mod, żgur li ħadd ma jmerik.

F’dan l-isfond, fl-aħħar sigħat il-kantant u mużiċist Kersten Graham ħareġ kanzunetta bl-isem ta’ ‘Maybe Someday’. F’kummenti lil tvm.com.mt, Graham stqarr li din id-diska qiegħda għal qalbu mmens u li tfisser ħafna għalih hekk kif kitibha f’mument ta’ inċertezza. Spjega, li l-kanzunetta hija waħda ta’ tama u li partikolarment hija indirizzata lil mara li jixtieqha terġa’ tiġi fi ħdanu.

Il-lirika u l-mużika huma xogħol Graham mill-bidu sal-aħħar. Fil-filmat, viżibbilment emozzjonat, il-kantant jinterpreta l-lirika tiegħu stess b’passjoni liema bħalha u jżewwaq kliemu b’daqq tal-kitarra li jpaxxi ‘l-widna.