Attività
Kont taf għala d-Dwana għażlet li tħarreġ Springers u Labradors?

Fl-okkażjoni tal-Ġimgħa għas-servizz pubbliku, matul il-ġurnata tal-Ħadd id-dipartiment tad-Dwana fetaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku f’Xatt Lascaris il-Belt. B’hekk il-pubbliku seta’ jara mill-qrib il-ħidma tal-uffiċjali tad-Dwana, li huwa dipartiment fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi, u fost l-iktar li jikkontribwixxi għad-dħul tal-gvern.

Id-dwana, fost oħrajn, tiżgura l-ħarsien tal-liġijiet fiskali, u taħdem kontra l-kuntrabandu u tħares lill-konsumaturi minn prodotti foloz.

Minkejja li t-temp ma tantx żamm, b’ħinijiet minnhom bi ftit xita, in-nies ma naqsux milli jattendu għal ġurnata ta’ attivitajiet fid-Dipartiment tad-Dwana.

Fost l-iżjed wirja li ġibdet l-attenzjoni tan-nies kien hemm dik tal-klieb, fejn in-nies setgħu jaraw kif jitħarrġu t-tmint iklieb tad-Dwana biex ifittxu għad-drogi, flus u sigaretti. Hilary Fenech, li jħarreġ dawn il-klieb tad-Dwana, spjega li erbgħa minn dawn il-klieb huma mħarrġa fuq flus u sigaretti, u erbgħa oħra fuq drogi u sigaretti.

“Indumu nittrianjawhom medja ta’ 10 xhur. Jgħaddu minn fażi waħda u mbagħad it-tieni fażi biex jieħdu l-liċenzja, u kull sena jiġu liċenzjati,” spjega Hilary Fenech, li jħarreġ il-klieb.

“Kull kelb jista’ jiġu mgħallem, però aħna bħalissa għandna springers u labradors biss, għax aħna niltaqgħu ħafna man-nies biex l-impatt li jkollhom man-nies ma jibżgħux minnhom, għax dawk huma ‘very cuddly dogs’. Nibdew ngħallmu l-klieb bil-ġugarelli tagħhom, jibda jiġi għandi, nara xi play drive għandu, nara l-kelb hux aggressiv, hemm ħafna testijiet xi jrid jgħaddi l-kelb, u mbagħad jibda mal-handler jingħaqdu flimkien bħala tim,” kompla jispjega s-Sur Fenech.

Fost il-ħidma li bħalissa għaddejja qatigħ mid-Dipartiment tad-Dwana, hemm dik marbuta mal-Brexit. Id-direttur għall-Affarijiet Internazzjonali tad-Dwana, Ian Muscat, spjega li d-Dwana qed tħejji ruħha għal kull eventwalità, fosthom dik ta’ Hard Brexit, jiġifieri dik li ma jintlaħaq l-ebda ftehim bejn l-Ingilterra u l-Unjoni Ewropea.

“Ix-xogħol li ġej u sejjer lejn l-Ingilterra, il-merkanzija, tkun suġġetta għall-formalitajiet kollha tad-Dwana, daqslikieku ġejja minn pajjiż terz ieħor, daqslikieku ġejja miċ-Ċina, jew mill-Amerka. Barra minn hekk qed nippruvaw lin-nies tagħna li jaħdmu l-ajruport għax peress li għandna ħafna kummerċ ta’ passiġġieri bejn Malta u l-Ingilterra, issa mhux se jkun iktar possibbli biex dawk il-passiġġieri li ġejjin mill-Ingilterra jgħaddu minn dak li nirreferu għalih bħala blue channel, imma jridu jiddeċiedu jekk jgħaddux mill-green jew mir-red channel, u jekk ikollhom affarijiet dazjabbli jrid jitħallas id-dazju dovut fuqhom.”

Attivitajiet oħra li kien hemm fl-open day tad-Dwana jinkludu logħob edukattiv u wirja ta’ makkinarji. Dan kollu sar bħala parti mill-ġimgħa għas-servizz pubbliku bl-isem ta’ Lejn Servizz ta’ Eċċellenza.

Aħbarijiet Oħra
Budget

Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna qal li l-Budget ippreżentat ilbieraħ u r-reazzjoni ġenerali għalih huma turija li l-Gvern hu konxju tal-isfidi, l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet tan-nies. F’konferenza tal-aħbarijiet l-għada tal-Budget, il-Ministru Scicluna…

Saħħa

Kull sena f’Malta jfeġġu madwar 20 każ ta’ kanċer fit-testikoli. Hu stmat li kull sena jmutu żewġt irġiel b’dan il-kanċer. Stħarriġ li sar ix-xahar li għadda wera li tnejn minn…

Kronaka

Lejlet it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tnieda rapport imħejji minn Reporters Without Borders u The Shift News dwar ċ-ċirkostanzi li fihom seħħ il-qtil, l-investigazzjoni li saret dwaru, ir-reazzjoni…

Immigrazzjoni

L-AFM għaddejja b’operazzjoni ta’ salvataġġ biex issalva 76 immigrant, fosthom 15-il mara li wħud minnhom qed iġorru tarbija, li jinsabu f’diffikultà bejn sema u ilma. Id-dgħajsa, li fuqha jinsabu l-immigranti,…

Aktar