Lokali
Kont taf li f’Malta hawn banjijiet termali?

Forsi ftit li xejn aħna konxji li f’Malta hawn banjijiet termali. Strutturi li jinsabu fil-ponta tax-xatt ta’ Bighi, taħt iċ-Ċentru Esplora, jixhdu l-preżenza ta’ dawn il-banjijiet li kienu jintużaw mill-Ingliżi għall-pazjenti li kienu jeħtieġu kura termali. Maż-żmien dawn intlequ u l-elementi kissru partijiet minnhom. L-istrutturi li għad fadal jinsabu f’riskju li jintilfu u għandhom bżonn jiġu restawrati mill-iktar fis possibbli.

Max-xatt fil-ponta ta’ Bighi l-Kalkara, hemm strutturi li kienu jagħmlu parti mill-isptar navali. L-isptar li kien beda jinbena fl-1827 u li llum jospita ċ-Ċentru Esplora. Il-binjiet, bħal kmamar fit-tond max-xatt inbnew aktar tard fis-seklu 19 u kienu jsevu bħala banjijiet li minnhom l-isptar kien joffri kura termali lill-pazjenti tal-flotta Ingliża li kienu jbatu minn uġigħ fil-jogi u fil-muskoli, fost mard ieħor relatat.

Il-banjijiet kienu jimtlew b’ilma baħar kiesaħ jew ilma baħar sħun, li kien jissaħħan fil-pumping room wara li jinġibed mill-baħar qabel jgħaddi għal ġol-banjijiet. Il-President tal-Fondazzjoni Wirt Artna Mario Farrugia qal li anki dak iż-żmien kienu jqisu l-ilma baħar li huwa rikk fil-minerali bħal magneżju, żingu, ħadid u potassju, biex joffru kura kontra l-inflammazzjoni, jgħinu fil-fejqan u jipproteġu l-ġilda.

“Maż-żmien dawn intelqu. L-isfortuna hi li minħabba l-istess post fejn qegħdin u minħabba li saret l-ebda forma ta’ manutenzjoni dan diġà tlifna wieħed kompletament, hawn ieħor qed fil-proċess li jintilef u oħrajn li beda l-proċess li anki huma jibdew jintilfu.”

Żied li minbarra li dawn il-banjijiet huma wirt industrijali mportanti, jiffurmaw parti mill-panorama tal-Port il-Kbir. Qal li pitturi u inċiżjonijiet li juru xeni tal-Port il-Kbir tul is-seklu 19 u anki s-seklu 20, dawn il-banjijiet jidhru. Is-Sur Farrugia saħaq li dan hu wirt li jrid jiġi rrestawrat u jinstablu użu li jrendi biex tkun tista tibqa’ ssir il-manutenzjoni tal-istrutturi.

“Il-ħarsien irid isir b’mod imedjat b’mod prattiku billi dawn jiġu trattati, restawrati u jintużaw. Oġġett li ma jintużax jerġa jaqa’ f’dekadenza u jerġa jispiċċa.”

Huwa appella lill-awtoritajiet biex jieħdu l-passi neċessarji biex isalvaw almenu l-istrutturi li fadal. Stqarr li l-fatt li jinsabu f’post pittoresk żgur li se jkun hemm talbiet għalihom. Qal li l-intervent li jeħtieġ li jsir, ma jinvolvix spejjeż kbar iżda li jista’ jħalli mpatt kbir fuq il-wirt nazzjonali Malti fost oħrajn fuq il-konservazzjoni tal-pajsaġġ tipiku ta’ dawn l-inħawi.