Ekonomija u Finanzi
Kont taf li ħsara kkawżata mill-elementi tan-natura tista’ tiġi assigurata?

Waqt li bosta qed jagħmlu l-kontijiet għall-ħsara li ġarbu fil-maltemp, il-kumpaniji tal-assikurazzjoni qed jistennew pataflun ta’ talbiet għall-kumpens.

Il-President tal-Assoċazzjoni tal-Kumpaniji tal-Assikurazzjoni, Adrian Galea, qal li f’żewġ maltempati fl-aħħar sitt snin, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni ntalbu kumpens li jilħaq il-ħdax-il miljun ewro għal ħsarat li sofrew il-klijenti tagħhom.

Kumpaniji tal-assikurazzjoni bdew il-ġimgħa b’talbiet għall-kumpens mill-klijenti li ġarrbu ħsarat bil-maltemp. Il-President tal-assoċazzjoni tal-kumpaniji tal-assikurazzjoni, Adrian Galea, qal li kontra dak li jaħsbu ħafna, ħsara kkawżata mill-elementi tan-natura tista’ tkun assigurata.

Il-President tal-Assoċazzjoni tal-kumpaniji tal-assikurazzjoni, Adrian Galea qal ”mhux każ ta’ act of God u ninsew kollox. Jekk int bħala klijent avviċinajt lill-kumpanija tal-assikurazzjoni tiegħek u tajtha l-informazzjoni neċessarja biex tassigura ruħek b’mod adekwat, naħseb li l-kumpanija tal-assikurazzjoni tkun qed tħares sal-ponta ta’ mneħirha jekk meta jinqalgħu ċirkustanzi bħal dawn ma tarax il-claim tiegħek ġustifikata u tħallsek.”

Is-Sur Galea qal li wieħed ma jistax jistenna kumpens għall-oġġetti li mhumiex koperti fil-polża tal-assikurazzjoni. Mistoqsi x’jiġri meta ssir ħsara fuq apparat installat fuq il-bjut, bħall panelli jew meta dan jinqala’ u jagħmel ħsara fil-propjetà ta’ ħaddieħor, is-Sur Galea qal li dan ikun kopert kemm ‘il darba jkun inkluż fil-polza tad-dar.

U x’jiġri jekk siġra jew kantun jaqa fuq vettura kawża tal-maltemp?

”Comprehensive tkoprilek ir-riskji kollha. Imma hemm koperturi iktar limitati. Li tillimitak għal danni li tagħmel lil terza persuna. Hemm kull dannu ieħor, bħal siġra taqa fuq vettura mhux koperta.”

Is-sur Galea qal li kull polza hi differenti u l-klijent għandu jieħu jara sew l-eċċezzjonijiet li jkollha.

Dwar serrer u laneċ, kemm fuq l-art u anke fil-baħar, is-Sur Galea qal li dawn ukoll jistgħu jkunu koperti b’polza tal-assikurazzjoni. Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ħsara li ssir fl-uċuħ tar-raba’ minħabba li għad irid jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ kif titkejjel din il-ħsara.

Fl-aħħar sitt snin kien hemm maltempati li wasslu biex intalbu miljuni ta’ ewro f’kumpens mill-kumpaniji tal-assikurazzjoni għall-ħsarat li sofrew. Maltempati bis-silġ li saru fl-2013 u l-2015, wasslu għal talba ta’ madwar 11-il miljun ewro f’kumpens bejniethom, waqt li maltempata kkaratteriżżata l-aktar mir-riħ tliet snin ilu wasslet għal madwar żewġ miljun ewro f’talbiet għall-kumpens.