Barranin
Kont taf xi jsir minnhom il-flus li jitwaddbu fil-Fontana di Trevi?

Skont il-leġġenda, kull min jagħlaq għajnejh u jdur biex iwaddab il-flus fil-Fontana di Trevi jirritorna fil-belt eterna ta’ Ruma.  Għaldaqstant, il-qiegħ ta’ dan il-monument tant popolari fil-kapitali Taljana jimtela bil-muniti, tant li kull sena huwa stmat li jinġabru madwar €1 miljun.

S’issa l-flus kienu jinġabru kull sena u jingħataw lill-Caritas.  Iżda mill-1 ta’ April li ġej, il-flus se jibda jeħodhom il-Kunsill Lokali ta’ Ruma.  L-affarijiet se jinbidlu wara ftehim iffirmat f’Ottubru li għadda mill-Kunsill Lokali li l-flus li jinġabru mill-monumenti b’funtana fil-belt ta’ Ruma jeħodhom il-Kunsill stess għall-manutenzjoni tal-patrimonju artistiku li hemm fil-kapitali Taljana.

Dan ifisser li l-Caritas jista’ jkun li se jkollha twaqqaf xi servizzi li kienet toffri minħabba li kienet tirċievi dawn il-flus tal-funtana.  Fost is-servizzi li qed jirriskjaw li ma jibqgħux jingħataw hemm l-għajnuna lill-fqar u dawk bla dar, kif ukoll sostenn lill-iktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà u familji bla flus biex jixtru l-ikel essenzjali għalihom.

Għalissa jidher li ma ħareġ xejn uffiċċjali, tant li hemm stennija kbira mill-Caritas biex tiġi kkomunikata d-deċiżjoni dwar x’se jiġri mill-flus li jitwaddbu fil-funtana li tant tattira turisti u viżitaturi lejha.  Din mhix l-ewwel okkażjoni li l-funtana spiċċat f’nofs kontroversja.  Nistennew u naraw x’se jiġri!