Lokali
“Kont wasalt fl-aħħar li nitlef it-tfal” – l-istorja ta’ Christian li għeleb il-vizzju tad-droga

Għall-Caritas illum hu jum ta’ ċelebrazzjoni b’għaxar persuni ddikjatati ħielsa mid-droga wara li temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga fil-Komunita’ Terapewtika ta’ San Blas, fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.

TVM tkellem ma’ żagħżugħ, li hu wkoll missier, li lesta l-programm ta’ riabilitazzjoni fiċ-ċentru ta’ San Blas. Hu spjega kif kien spiċċa fil-qiegħ bid-droga, u issa wara programm impennjattiv reġa’ twieled mill-ġdid u qed iħares il’ quddiem biex jgħin persuni oħra li għadhom fil-madmad tad-droga.

Kien għadu fuq il-bank tal-iskola sekondarja meta Christian, isem mibdul biex nirrispettaw l-identità tiegħu, beda jmiss mad-droga. Qal li għalih, id-droga kienet bħal ħarba mir-realtajiet li kellu.

”Kelli naffaċċja ħafna uġiegħ mill-passat relatat mal-bullying. Preferenzi fid-dar mill-ġenituri. Ħafna battalji li trid titgħallem tgħix bihom. Dawn qabel kont naħarbu bid-droga” qal Christian.

Fi tmien snin, il-vizzju wasslu biex tilef kważi kollox u spiċċa jgħix fit-triq.

”Kont wasalt fl-aħħar li nitlef it-tfal, ma nistax narahom iktar, Kont ha nispiċċa barra, ma ridux jafu bijja il-ġenituri. Imbagħad sakemm tispiċċa fil-qiegħ ma jkollokx la tieqa jew la bieb minn fejn tgħaddi” qal Christian.

Ma’ TVM, Christian irrakkonta kif fl-aħħar irrikorra għand il-Caritas għall-għajnuna. Spjega li biex toħrog mill-vizzju tad-droga mhux faċli imma trid determinazzjoni qawwija.

”Sakemm tiġi fl-ewwel fażi l-agħar biċċa – sakemm titla’ mix-shelter għall-programm. Taqta’ il-mistura. Kull resident jgħaddi minnha, l-agħar fażi li hawn. Sickness, fih it-tbatijiet tiegħu, withdrawals, ma torqodx billejl, ħafna għaraq u dardir” kompla jispjega Christian.

Il-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga tal-Caritas, imqassam f’diversi fażijiet, iġib miegħu sfidi kontinwi għal dawk li isegwuh. Fih jitgħallmu jiddixxiplinaw irwieħhom u jirregolaw l-għażliet tagħhom biex ikunu preparati għad-dinja ta’ barra. Fi tmiem il-programm, Christian, qal li jħoss li twieled mill-ġdid u jħares biex ikun mudell għal persuni li għadhom bil-kilba tad-droga.

Christian qal “irrid inkun mudell għal persuni bil-vizzju tad-droga. L-ewwel bieb li trid tħabbat hu l-Furjana, Triq il-Kapuċċini. Hemm l-outreach. Tmur titlob għall-għajnuna. Titlob biex jarak xi ħadd għax ma tkunx fi stat tajjeb.”

Id-Direttur ta’ Caritas Malta qal li l-ħidma tkompli anke mal-persuni jlestu l-programm ta’ riabilitazzjoni, permezz ta’ Dar Charles Miceli fil-Mosta.

Id-Direttur ta’ Caritas Malta qal ”persuni li jridu jirritornaw fis-soċjetà, u jew għax m’għandhomx akkomodazzjoni jew mhux suġġerit lilhom li jmorru lura għand il-familji tagħhom. Hemm waħda mill-ostakli hi li dawn il-persuni jridu jirrikorru għall-kirjiet privati li llum nafu li splodew u bħala Caritas qed nistennew bil-ħerqa l- proposti tal-Gvern biex jiġu indirizzati u ma jkunx hemm abbużi mis-sidien tal-postijiet tal-kiri.”

Is-Sur McKay qal li s-sena l-oħra kien hemm żieda fl-ammont ta’ nisa li marru għall-programm ta’ riabilitazzjoni mid-droga. Semma wkoll il-proġett ta’ kumpless ġdid f’Ta’ Kandja li se jilqa’ fih żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena li jkollhom problemi bil-vizzju tad-droga.

Bħalissa għaddejja ċ-ċerimonja f’San Blas, aktar dettalji fil-ħin li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Saħħa

Fir-residenza San Vincenz De Paule, beda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-kumpless Rużar Briffa li qed isir b’investiment ta’ disa’ miljun ewro. F’din il-fażi se jiġu rinnovati tliet iswali u l-foyer…

Stejjer Umani

Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar, qalet li wieħed minn kull għaxar anzjani fir-residenza ma jżurhom ħadd. Dr Cutajar qalet li s-soluzzjoni ma tinstabx fi żjara f’xi…

Festi

Dħalna sew issa fi żmien il-Milied. Fil-knejjes illum bdiet in-novena, il-postijiet tad-divertiment qed ikunu miżgħuda attivitajiet bejn il-ħbieb, u ċ-ċentri kummerċjali qed ikunu ppakkjati bin-nies jixtru ħwejjeġ għalihom u rigali….

Lokali

Tintemm uffiċjalment illejla s-sena li matulha l-belt kienet il-kapitali Ewropea tal-kultura bl-attività “L-Aħħar Festa” li tibqa’ sejra sa tard ħafna illejla. Valletta 2018 iżda se tibqa’ għaddejja permezz ta’ numru…

Aktar