Knisja Maltija
Kontroversja dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop

Tfaqqa kontroversja taħraq dwar il-kwadri fil-Knisja ta’ Ħal Kirkop. Dan wara li fil-festa ta’ San Ġużepp, ix-xahar li għadda l-Kappillan ħabbar li l-Kurja approvat li l-pittura tal-Madonna tad-Duluri li hemm fuq wieħed mill-artali tinbidel ma’ waħda ta’ San Ġużepp. Dan qajjem divergenzi speċjalment bejn iż-żewġ għaqdiet mużikali: L-Għaqda Mużikali San Leonardu u s-Soċjetà Mużikali San Ġużepp.

Fir-raħal ta’ Ħal Kirkop qamet kontroversja li qed tolqot ħażin l-armonija ta’ dan ir-raħal kwiet. Il-kwistjoni hija dwar pittura tal-artist Francesco Zahra mpittra fis-seklu tmintax li tinsab fuq wieħed mill-artali tal-Knisja parrokkjali.

Waqt il-festa ta’ San Ġużepp ta’ Ħal Kirkop ix-xahar li għadda, il-Kappillan, Dun Martin Cardona, ħabbar li l-Kurja approvat li din il-pittura titneħħa minn fejn hi u minflokha ssir pittura ġdida ta’ San Ġużepp. Għall-ewwel tħabbar li l-pittura ta’ Francesco Zahra, li tirrappreżenta lill-Madonna tad-Duluri, se titqiegħed fil-kappella tal-Lunzjata fl-istess raħal.

Din id-deċiżjoni qajmet reazzjonijiet u opinjonijiet differenti mal-Koppini. Fuq naħa ntlaqgħet b’ferħ mis-Soċjetà Mużikali San Ġużepp u mill-Fratellanza ta’ San Ġużepp, waqt li qajmet reazzjoni ta’ rabja mill-Għaqda Mużikali San Leonardu.

TVM segwa l-aħħar żviluppi u fittex ir-reazzjonijiet tan-naħat kollha. Is-Segretarju tal-Każin San Anard, Kenneth Cassar, sostna li din mhix kwistjoni ta’ pika u li l-Għaqda Mużikali San Anard m’għandha xejn kontra l-Fratellanza ta’ San Ġużepp jew kontra t-talba tagħhom li ssir pittura bix-xbieha ta’ San Ġużepp.

Kenneth Cassar qal “din m’għandhiex issir a skapitu ta’ kwadru storiku. U dan mhux ngħidu jien, Kenneth Cassar minn Ħal Kirkop, qed jgħiduh ic-charters u konvenzjonijiet kollha tar-restawr li jisħqu propju li opra tal-arti għandha tibqa’ fil-kuntest st0riku tagħha. Il-mument li aħna niddeċiedu li nneħħuha minn postha qed nitilfu l-valur storiku ta’ din l-opra tal-arti. Ħaġa li timmeraviljana li din saret bl-approvazzjoni tal-Kummissjonijiet tal-Kurja li xogħolhom fost l-oħrajn huwa li jħarsu l-patrimonju reliġjuż tagħna. Il-Kappillan qiegħed ukoll jikkunsidra li sabiex din il-kwadru tad-Duluri jibqa’ ġol-knisja lest li jaqla’ kwadru ieħor storiku biex jeħodlu postu, allura flok żball wieħed isiru tnejn.”.

Skont is-sur Cassar, professjonisti tal-arti fosthom mid-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Università qablu mal-pożizzjoni li l-pittura m’għandhiex titneħħa minn fejn hi.

Min-naħa tagħha, is-Soċjetà Mużikali San Ġużepp Ħal Kirkop ma riditx tagħti intervista, iżda minflok bagħtet stqarrija liċ-ċentru tal-aħbarijiet li fiha qalet li dan l-artal ilu stabbilit b’digriet mill-Papa Iljun Tlettax u juri fl-irħam l-arma tal-Fratellanza ta’ San Ġużepp. Sostniet li fil-bidu tas-seklu l-ieħor kienu tħallew flus biex isir kwadru ġdid ta’ San Ġużepp fuq l-istess artal.

Is-Soċjetà ta’ San Ġużepp kompliet tgħid li l-Fratellanza qablet mal-proposta li l-inkwadru tad-Duluri jinstablu post alternattiv fil-Knisja stess sabiex jibqa’ jiġi preżervat il-kuntest storiku u devozzjonali tiegħu. Il-Fratellanza ta’ San Ġużepp tħoss li b’dan il-proġett il-parroċċa se żżid fix-xogħlijiet artistiċi tagħha u wriet ix-xewqa li l-festa ta’ San Anard, ġimgħa oħra, tiġi ċċelebrata b’mod seren.

TVM talab ukoll lill-Kappillan Dun Martin Cardona għall-kumment tiegħu, irreferiena għall-Kurja li min-naħa tagħha qalet li għalissa mhix se tikkumenta dwar dan il-każ.

Aħbarijiet Oħra
Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar