LGBTIQ
Kontroversja wara li allegatament ipprova jikkonvinċi gay jinbidel

Il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qed tara jekk tressaqx rapport formali lill-Pulizija fil-konfront ta’ persuna li allegatament ippruvat “tikkonverti” raġel gay.

Kien il-ġurnal Ingliż Daily Mirror li semma kif il-ġurnalist tiegħu Daniel Harding, li skont il-ġurnal stess huwa gay, kellu ‘video call’ ma’ Matthew Grech li fiha ppreżenta lilu nnifsu bħala Joe Willis u talbu l-għajnuna.

Grech huwa deskritt fir-rapport bħala ko-direttur tal-Core Issues Trust, għaqda Nisranija li tgħin persuni jegħlbu l-attrazzjoni lejn nies oħra tal-istess sess.

Skont ir-rapport, qabel kellhom il-‘video call’, Grech qal lill-ġurnalist li l-irġiel b’attrazzjoni sesswali lejn irġiel oħra kellhom jaħdmu fuqhom infushom biex ikunu “iktar assertivi u inqas mistħija”.

Kelliem għall-MGRM qal lil tvm.com.mt li huwa kienu se jistħarrġu l-‘video call’ biex jaraw hemm bażi legali biex jagħmlu r-rapport.

Huwa żied li jridu jaraw jekk Grech kienx Malta meta kien involut fl-istess ‘video call’.

F’Malta huwa illegali li persuna tipprova tikkonvinċi oħra tibdel l-attrazzjoni sesswali tagħha.

Fuq il-profil tagħha tal-Facebook l-MGRM qalet li l-‘conversion therapy’ hija forma ta’ tortura u l-professjonisti fis-saħħa mentali jqisuha bħala perikoluża.

Min-naħa tiegħu Grech ukoll irrikorra għall-Facebook biex jirreaġixxa għal din l-aħbar u akkuża lill-ġurnal Ingliż li qed jipprova jimmalafah.

Huwa nsista li n-nies għandhom ikunu liberi li jirċievu l-għajnuna biex jgħixu ħajja eterosesswali jekk iridu u ħadd m’għandu jisforza lill-irġiel u lin-nisa jkunu gay jekk ma jridux.

Grech iddeskriva wkoll il-prassi biex titwaqqaf il-‘conversion therapy’ bħala waħda “eterefobika u diskriminatorja” fil-konfront ta’ persuni li ma jridux jibqgħu LGBT.