Safar
Koppja Maltija jmorru fuq l-itwal vjaġġ b’ferrovija fid-dinja

L-itwal vjaġġ b’ferrovija fid-dinja jaqsam ir-Russja. Mill-kapitali Moska sal-lvant imbiegħed: il-belt ta’ Vladivostok. Mill-bidu sat-tmiem, il-ferrovija tieħu sebat’ijiem sħaħ. Id-distanza hi 9,300 kilometru.

Dan ifisser li hi itwal minn vjaġġ bl-ajru minn Malta għal New York jew il-Brażil jew fuq ix-xaqliba l-oħra minn Malta għal Beijing fiċ-Ċina jew it-Tajlandja.

Il-vjaġġ tal-koppja Fenech fuq l-itwal rotta ferrovjarja beda mill-belt ta’ Vladivostok, port fuq l-Oċean Paċifiku fit-tarf tar-Russja. Hemmhekk ingħaqdu ma’ tour organizzat għal tnax-il persuna li vvjaġġaw flimkien bil-ferrovija lejn Moska.

Tul ir-rotta ta’ aktar minn disat elef kilomteru għamlu mal-għaxar waqfiet biex qattgħu ġurnata jew tnejn jiskopru bliet differenti fir-Russja. Fil-ferrovija kellhom it-tour kellu vagun għalih, li baqa’ l-istess tul ir-rotta kollha.

Mario Fenech qal “tkun dejjem l-aħħar vaguna, fuq wara tat-train. X’ħin jivvjaġġa minn post għal ieħor, minn belt għal oħra li huma mbiegħda mmens, il-vaguna jaqlagħha t-train, it-train jibqa’ sejjer, il-vaguna titwarrab fil-genb u aħna mmorru bil-hand luggage fil-lukanda li rridu mmorru. U nħallu kollox fuq it-train. Jiġifieri jekk huma bagalji taħt is-seats/sodod. Aħna nieħdu hand luggage, tieħu l-bżonnijiet li għandek bżonn miegħek.”

Monica qalet li anke jekk ripetittiv, is-sabiħ tal-ferrovija hu x-xenarju tas-siġar u x-xmajjar. Madankollu qalet li l-ferrovija għejjietha – “anke l-fatt li ma tistrieħx sew fuqha, għax is-sodda mhix komda. Iebsa ħafna. Dik tgħajjik hu. Anke t-train il-ħin kollu tiċċaqlaq.”

Il-kabini mhumiex kbar: anqas minn żewġ metri u nofs b’metru u nofs, li minnhom għandek sodda kull naħa u mejda fin-nofs.

“Inti ma mortx għal-lussu. Inti mort biex tagħmel l-esperjenza u ċ-challenge ta’ dan it-train trip li hu l-itwal train trip li jeżisti fid-dinja.”

L-enormità tar-rotta trid teħodha fil-kuntest tal-kobor tal-art tar-Russja. Biss biss tul ir-rotta l-arloġġ dawrulu s-siegħa ħames darbiet!

“Il-ħajja qisha aħna. Mhix expensive ħafna. Anke bħala ħwejjeġ mhux li tgħid estravaganti. Issib tad-ditti wkoll. L-ikel?
Nothing special. Salad, soup u jew jagħtuk laħam jew pork.”

Jgħidu li kull belt li żaru fiha l-partikularitajiet tagħha, iżda baqgħu impressjonati bil-ġmiel ta’ Moska.

“Jien dort ħafna bliet madwar id-dinja. Però bħal Moska ftit hawn. Tħabbatha forsi ma’ Pariġi. L-arkitettura, l-undergounds il-ġmiel li hemm fl-undergounds, il-bini minn wieħed għall-ieħor, kif tkun mixgħula bil-lejl, il-Kremlin u r-Red Square huma tal-ġenn.”

Mario u Monica jaqblu li din kienet sfida u avventura iżda b’ħafna memorji sbieħ. “Dak għadda. Għamiltu, hemm ħafna postijiet oħra fejn immorru u x’tiskopri!”

Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar