Qorti
Koppja tingħata €100,000 wara li minħabba dewmien f’każ ma setax ikollhom tfal

Imħallef ordnat li koppja tingħata kumpens ta’ €100,000 wara li minħabba d-dewmien biex jinqata’ każ ir-raġel waqa’ f’dipressjoni u spiċċa ma setax ikollu t-tfal.

Ir-raġel kien tressaq fil-Qorti fl-2007, fi żmien meta kien impjegat mal-MITTS illum MITA li tieħu ħsieb is-sistema tal-informatika tal-Gvern, u fl-2019 kien illiberat.

Huwa spiċċa bla mpjieg u peress li l-każ ingħata ħafna pubbliċità ma setax isib xogħol fil-qasam tal-informatika li fih jispeċjalizza.

Dak iż-żmien kien għadu kemm jiżżewweġ u peress li waqa’ f’dipressjoni spiċċa ma setax ikollu tfal u għalhekk huwa u martu baqgħu bla wild u kellhom jaddottaw.

Il-koppja fetħet kawża fil-Prim’Awla Ċivili kontra l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija fejn żammithom responsabbli għad-dewmien ta’ 12-il sena biex inqatgħet il-kawża.

L-Imħallef Anna Felice qablet mal-koppja li 12-il sena kien dewmien żejjed u rrimarkat li r-raġel u l-mara ffaċċjaw trawmi u sfidi kbar u għalhekk kien jistħoqqilhom kumpens xieraq.

Hija saħqet li l-Istat għandu jassigura li l-prosekuzzjoni tkun effiċjenti u ma jkunx hemm dewmien żejjed fil-kawżi.

Kien għalhekk li tathom raġun u ordnat lill-Avukat Ġenerali u lill-Kummissarju tal-Pulizija jħallsu bejniethom l-imsemmi kumpens.