Saħħa
Koppja tmutilha tarbija b’kundizzjoni fatali li tista’ tiġi evitata bl-IVF

Il-ġinekologu Mark Sant sostna li l-liġi tal-IVF għandha tinbidel bil-għan li tiffoka aktar fuq is-suċċess, inqas tbatija u li s-servizzi mill-Isptar Mater Dei jibdew ikopru kundizzjonijiet li huma gravi ħafna għall-ġenituri li huma milqutin minnhom biex ikunu jistgħu jagħtuhom tarbija b’saħħitha.

Intervistat waqt il-programm TVAM, Dr Sant tkellem dwar tbatija bla qies li għaddiet minnha koppja Maltija li tilfet it-tarbija tagħha b’mod ikrah ħafna fi żmien sentejn. Spjega li din it-tarbija mietet għax tnisslet minn missier u omm li tnejn li huma kienu jġorru gene ħażina.

Spjega iżda li l-ġenituri ma kellhomx il-kundizzjoni ġenetika li twieldet u eventwalment mietet biha t-tarbija. Qal li biex toħroġ din il-kundizzjoni riedu jiltaqgħu ż-żewġ genes ħżiena li kienu jġorru ż-żewġ ġenituri kif fil-fatt ġara f’dan il-każ.

Dr Sant qal li wild minn kull erbgħa li jgħaddu minn din is-sitwazzjoni jkun affettwat minn din il-kundizzjoni gravissima fejn it-tarbija titwieled normali iżda tmut fi żmien sentejn bi proċess ikrah.

Huwa qal li dawn il-ġenituri jixtiequ li jkollhom tarbija għax il-wild li kellhom ħalla vojt kbir iżda ma jixtiequx li jgħaddu mill-istess proċess.

Qal li permezz tal-IVF huwa faċli li tikkrea l-embrijuni u tidentifika dawk li m’għandhomx din il-gene. Spjega li hawn jitqiegħed lura l-embrijun li m’għandux din il-kundizzjoni kerha u fatali.

“Jista’ xi ħadd jgħidli x’fiha ħażin?, staqsa l-ġinekologu waqt li ħeġġeġ lil dawk li joġġezzjonaw għal dan it-trattament biex ipoġġu lilhom infushom fis-sitwazzjoni ta’ dawn il-ġenituri u jgħidu jekk jixtiequx li jkollhom tarbija li titwieled u tgħix sentejn f’miżerja u tmutlek.