Lokali
Koppji b’mannara fuq rashom minħabba regola oxxena marbuta mal-IVF – ġinekologu

F’intervista ma’ Television Malta, il-Ginekologu Mark Sant insista li l-liġi Maltija dwar l-IVF għandha toffri l-istess drittijiet li l-liġijiet Ewropej joffru lil nies bi problemi ta’ infertilità. Dr Sant ippropona li f’Malta għandhom isiru testijiet fuq l-embrijuni għal kundizzjonijiet ġenetiċi.

Is-sena li għaddiet f’Malta żdiedu l-koppji li fittxew li jagħmlu l-proċeduri bl-IVF fl-Isptar Mater Dei iżda naqsu dawk li għamluhom fil-privat.

Fis-sena li faqqgħet il-pandemija saru iktar minn 200 (214) proċedura tal-IVF f’Malta bil-maġġoranza assoluta (180) saru fl-Isptar Mater Dei filwaqt li l-bqija (34) saru fi sptar privat. Mir-rapport annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun jirriżulta li s-sena l-oħra fl-Isptar Mater Dei kien hemm żieda ta’ 33% fil-proċeduri tal-IVF meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Din ix-xejra iżda ma kinitx riflessa fil-privat għax is-sena l-oħra kien hemm tnaqqis ta’ 13% meta mqabbel mal-2019. Kważi nofs il-proċeduri tal-IVF li saru s-sena l-oħra kienu koppji li ppruvaw dan il-proċess għall-ewwel darba.

Mir-rapport jirriżulta li mill-proċeduri tal-IVF li saru fil-privat is-sena l-oħra, kien hemm żewġ nisa f’riskju li jiżviluppaw kundizzjoni serja, u għalhekk kellhom jiffriżaw l-embrijuni. Il-kundizzjoni hi magħrufa bħala Ovarian Hyperstimulation li fost oħrajn tista’ tkun fatali għall-ommijiet. Skont ir-rapport tal-Awtorità, mill-proċeduri tal-IVF li saru fl-Isptar Mater Dei, kien hemm iktar minn 50 mara f’riskju li jiżviluppaw din il-kundizzjoni medika. Il-Ginekologu Mark Sant qed jikkontesta ċ-ċifri għall-isptar pubbliku.

“Jekk taqra r-rapport itik l-impressjoni pereżempju li speċjalment l-ART Clinic jiġifieri l-klinika tal-Gvern kellna rata għolja ta’ kumplikazzjoni jgħidulha OHSS. Meta dan kien bil-kontra. Kemm ilna li introduċejna din il-liġi, ma kellniex każ wieħed ta’ kundizzjoni serja ta’ OHSS li jkollok hyperstimulation. U dan għamilnieh għax proprja qed niffriżaw mal-iċken intopp li jkun hemm fil-proċess ħalli proprju din il-kumplikazzjoni ma teżistix.”

Dr Sant ikkritika l-fatt li koppja trid tagħti għal adozzjoni embrijuni ffriżati kemm-il darba għandha aktar minn tnejn u għal xi raġuni l-omm ma toħodhomx qabel tagħlaq it-48 sena.

“Din hi koppja li għadha lanqas biss bdiet il-proċess, u fuq rasha għandha mannara li jekk jiġrilha xi ħaġa u ma tkunx tista’ toħodhom kollha dawn għal xi raġuni jew oħra, dak l-embrijun jista’ jispiċċa għand xi ħaddieħor. Ma teżisti mkien fid-dinja u din għalija hi regola oxxena u qed titfa’ tbatija enormi fuq dawn in-nies.”

L-espert talab biex f’Malta tkun permessa t-teknika tal-PGD li permezz tagħha jsiru testijiet fuq l-embrijun għal kundizzjonijiet ġenetiċi.

“Kundizzjoni relatata mal-metaboliżmu ta’ kif jaħdem il-ġisem. Li jkollok tarbija li ġeneralment tmut fl-ewwel sentejn tal-ħajja. Jekk għandek dik il-gene, għandek wieħed minn kull erba’ ċansijiet li jerġa’ jkollok dik it-tip ta’ kundizzjoni. Ma toffrihiex dik il-possibbiltà li tagħżel embrijun inti li m’għandux dik il-gene? Għaliex għandek tħalliha down to chance – one in four – li jkollok tarbija li tmut fl-ewwel sentejn tal-ħajja tagħha fgata? Jekk illum teżisti, dik il-possibbiltà ma toffrihiex?”

Dr Sant wera l-fehma li l-liġi Maltija għandha toffri l-istess drittijiet li l-liġijiet Ewropej joffru lil nies bi problemi ta’ infertilità.