
Malli rfisna fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, fin-Naxxar, smajna sinfonija ta’ 47 vuċi melodjuża li mliet is-santwarju b’kant sagru minn repertorju mużikali li jinkludi xogħlijiet ta’ Bach, Handel, Marcello u Mozart bl-akkumpanjament tal-orgni.
Taħt id-direzzjoni ta’ Dr Hugo Agius Muscat, il-kor St. Paul Choral Society, għaddej bl-aħħar tħejjijiet għal vjaġġ mużikali li matulu ser ikanta fil-katidrali fi Spanja, fosthom dawk fl-ibliet ta’ Leon, Burgos u Santiago.
Dr Agius Muscat qal li l-kor, imqassam f’soprani, alti, tenuri u baxxi, tul is-snin baqa’ jikber fl-entużjażmu u l-esperjenza, u jadatta l-kant għal postijiet li jkun mistiedna fihom.
Dr Agius Muscat qal, “Hemm mużika sagra l-iżjed li nagħmlu. Kemm a capella, mingħajr akkumpanjament, kif ukoll b’akkumpanjament ta’ orgni jew ta’ orgni u orkestra, jew ta’ orkestra biss. Hemm ħames sekli ta’ mużika, mis-seklu 16 sal-iktar biċċiet moderni ta’ żminijetna.”
Il-qofol tal-impenji tal-kor fi Spanja jintlaħqu fit-8 ta’ Settembru, nhar il-festa tat-Twelid tal-Madonna, f’Misa del Peregrini.
Fost l-iżgħar membri tal-kor, Ann Marie Agius, żagħżugħa ta’ 27 sena, tiddeskrivi l-esperenzja f’dan il-kor fl-aħħar seba’ snin bħala waħda li tat bosta esperjenzi sbieħ. Qalet li jekk wieħed japprezza l-mużika sagra, din bħal donna idaħħlek f’dinja oħra.
Hija qalet, “Il-mużika pop u l-mużika li kulħadd jisma’ fuq ir-radio hija dik li nisimgħu – m’għadekx tisma’ ħafna mużika klassika allura l-exposure nħoss li hija ftit batuta fost il-poplu għal mużika bħal din, imma once li tibda tapprezzaha ma terġax tmur lura minnha.”
Għas-St. Paul Choral Society, il-vjaġġ mużikali fi Spanja, ix-xahar id-dieħel, huwa r-raba’ impenn internazzjonali wara li fl-aħħar sitt snin kellu l-opportunità li jkanta fil-katidral ta’ Westminister f’Londra, fi Vienna, Salzburg, Innsbruck u Pariġi. F’Malta, il-kor ikanta regolarment fil-Katidral tal-Ingliżi u l-Konkatidral ta’ San Ġwann.