Lokali
Korsijiet għall-ħtiġijiet tal-edukaturi u l-ġenituri

L-Istitut tal-Edukazzjoni li jipprovdi taħriġ għall-edukatturi nieda l-prospett tal-korsijiet tiegħu li jwasslu għall-diversi kwalifiċi minn ċertifikati sa diplomi. L-Istitut twaqqaf li jgħin fl-iżvilupp professjonali tal-edukaturi billi jindirizzaw il-ħtiġijiet li jiffaċċjaw fil-professjoni tagħhom fil-klassijiet.

Il-prospectus tal-Istitut tal-Edukazzjoni jipprovdi għal korsijiet li jiffokaw fuq diversi aspetti, u jvarjaw mit-tmexxija u l-komunikazzjoni fil-klassijiet għall-inklużjoni, il-multikulturaliżmu, l-assessjar tal-istudenti, u l-kontribut tal-ġenituri fl-edukazzjoni ta’ uliedhom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-istitut Joanne Grima qalet li s-sebgħin kors akkreditati, ivarjaw fit-tul u l-livelli tagħhom: u huma ddinisinjati biex jindirizzaw l-isfidi li l-għalliema jiffaċċjaw fil-klassijiet. Spjegat li wħud mill-korsijiet huma maħsuba għal ġenituri biex jikkumplimentaw il-proċess edukattiv fil-klassijiet.

Joanne Grima qalet li ”hemm menu vast tagħhom, għax il-bżonnijiet huma ta’ kulħadd differenti. L-għalliema għandhom il-kapaċità li janalizzaw il-bżonnijiet tagħhom, jindunaw x’inhuma l-bżonnijiet taghħhom biex isiru għalliema aħjar, mhux għada jew pitgħada imma mill-ewwel għax l-għada li inti tmur għall-kors, l-għada filgħodu se ssib ruħek fil-klassi u tista’ tipprova tanalizza li inti tkun tgħallimt il-ġurnata ta’ qabel jekk jaħdimx jew le.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddeskriva t-tnedija tal-prospectus bħala mument storiku għall-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta. Huwa qal l-Istitut twaqqaf mill-edukaturi għall-edukaturi biex joffri korsijiet li jwieġbu konkretament għat-tisħiħ ta’ ħiliet u valuri li huma meħtieġa għall-professjoni.

Il-Ministru Bartolo tenna li l-bidliet fil-modi kif qed isir l-assessjar tal-istudenti se jsaħħaħ l-vjaġġ edukattiv tal-istudenti u fost oħrajn dawn il-korsijiet ser jiffaċilitaw il-modi kif l-għalliema jistgħu jgħinu lill-istudenti jilħqu l-potenzjal tagħhom.