Korsijiet ġodda fl-Intelliġenza Artifiċjali mill-Fondazzjoni Eskills

Illum il-ġurnata ħajjitna saret tiddependi fuq it-teknoloġija. Ħafna mid-drabi affarijiet li sa ftit ta’ snin ilu kien kunsidrati bħala lussu, llum saru bżonn. ‘Popolin’ stħarreġ din id-dipendenza u analizza modi differenti ta’ kif il-ħajja tal-bniedem saret timxi pari passu mat-teknoloġija.

Jekk ma ħadna xejn minn din il-pandemija nistgħu ngħidu li għallmitna kif nistgħu nikkomunikaw aktar permezz tat-teknoloġija. Llum din l-għodda ma għadhiex biss ta’ dawk żgħar fl-età iżda saret ta’ kulħadd. L-avvanz f’dan il-qasam kiber tant li llum qegħdin nitkellmu dwar intelliġenza artifiċjali. Tkellimna mal-Professur Alixiei Dingli, Professur tal-intelliġenza artifiċjali li spjega kif dak li ġara f’dawn l-aħħar tnax-il xahar kien inkredibbli. “Il-ħtieġa tal-intelliġenza artifiċjali konna ilna narawha minn snin ilu, biss il-qabża għal ħajja iktar teknoloġika tieħu ħafna żmien u tagħlim. Madanakollu l-lockdown li kellna madwar sena ilu prattikament ġiegħel lil kulħadd jaddatta ruħu mil-llum għal għada”.

F’kuntatt virtwali Carmel Cachia, Kap Amministratur tal-Fondazzjoni Eskills tkellem dwar korsijiet ġodda li qed jiġu offruti f’dan is-settur. Huwa tenna li dan il-qasam diġà beda jintuża f’pajjiżna u hemm iktar minn ħames mitt ruħ li studjaw is-settur tal-A.I. “Huwa importanti li kulħadd ikun jaf il-benefiċċji kbar li ġġib magħha l-intelliġenza artifiċjali. Ħadd ma għandu għalfejn iħoss xi theddida”. Saħaq li d-dinja tax-xogħol futura se tkun ibbażata propju fuq it-teknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali għalhekk ikun għaqli jekk minn issa nibdew ninfurmaw ruħna aħjar. Cachia spjega lit-taħriġ mogħti minn Eskills b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta, huwa miftuħ għal kulħadd. Dan il-kors isir online u bejn wieħed u ieħor idum sitt ġimgħat. Fost diversi suġġetti diskussi t-taħriġ jinkludi punti varji fosthom kif u fejn għandu jintuża l-A.I. u l-implikazzjonijiet li jġib miegħu. Il-Kors huwa magħmul mill-Università ta’ Helsinki u għandu valur ta’ żewġ ECTSs. Tajjeb li ngħidu li l-kors jista’ jsir kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u saru l-arranġamenti kollha neċessarji biex F’Malta jiġi offrut b’xejn. Sabiex wieħed jingħata ċ-ċertifikat irid jattendi għal 90% tat-taħriġ u jottjeni 50% tal-marki marbuta mal-eżerċizzji li hemm.

Il-kors jista’ jiġi aċċessat billi wieħed jżur is-sit www.elementsofai.com jew www.elementsofai.mt