Qorti
Kowċ, li diġà nstab ħati li kkorrompa minorenni, jinżamm arrestat wara li ġie mixli li abbuża tifla oħra

Anzjan li allegatament ikkorrompa adolexxenti ta’ 15-il sena, li kienet fdata fil-kura tiegħu bħala l-kowċ sportiv tagħha, inżamm arrestat wara li lbieraħ tressaq il-Qorti. L-akkużat diġà kien instab ħati li kkorrompa minorenni fis-snin sebgħin.

L-anzjan, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti sabiex tkun protetta l-identità tal-vittma, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li ripetutament issuġġetta tifla vulnerabbli għal imġiba offensiva, umiljanti u degredanti.

Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, imexxija mill-Ispettur John Spiteri, qal li l-allegat abbuż kien irrapportat mill-Aġenzija Appoġġ wara li t-tifla fetħet qalbha u qalet lill-ħaddiema soċjali kif kienet sofriet minn avvanzi sesswali minn raġel. Qal li r-raġel, li kien il-kowċ tagħha, kien iwassalha minn u lejn id-dar u meta kienu jkunu waħedhom allegatament kien imissilha sidirha u l-partijiet intimi tagħha.

L-Ispettur Spiteri spjega li t-tifla kienet tgħidlu biex jieqaf imma kien iwissiha biex ma tgħid lil ħadd biex ma ġġibux fl-inkwiet. Wara dawn l-atti, it-tfajla kellha bżonn għajnuna psikjatrika wara li allegatament uriet tendenzi ta’ suwiċidju.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest wasslet għal sottomissjonijiet twal, bil-prosekuzzjoni targumenta li l-proċeduri kienu għadhom fi stadju bikri ħafna u kien hemm biża’ li tiġi mbagħbsa l-evidenza.Min-naħa tagħha, l-avukata tal-Avukat Ġenerali, Angele Vella, qalet li hemm riskju ta’ aktar atti kriminali minħabba li kien diġà nstab ħati ta’ korruzzjoni ta’ minorenni lura fis-snin sebgħin.

Dr Vella qalet li waqt l-arrest tiegħu nhar il-Ħadd, il-Pulizija sabu ritratt fil-mobile li allegatament kien ħa ta’ żewġ tfajliet żgħar li kienu għaddejjin fit-triq. Meta kien ikkonfrontat dwar ir-ritratt, l-akkużat tbissem u baqa’ kalm. Hawn hija sostniet li r-raġel mhux affidabbli.

Min-naħa tagħha, id-difiża, immexxija minn Franco Debono u Richard Sladden, qalet li l-akkużat ikkopera mal-Pulizija u kien lest jissottometti ruħu għal superviżjoni minn uffiċjal tal-probation jew psikjatra kif il-qorti qieset xieraq. Id-difiża qalet li kemm-il minuri kif ukoll ommha ma xtaqux jirrapportaw il-każ lill-Pulizija.

Madankollu, il-Prosekuzzjoni baqgħet toġġezzjoni u qalet li l-allegat każ kellu effett serju fuq it-tifla.

Min-naħa tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba ir-riskju ta’ tbagħbis fl-evidenza, il-gravità tal-akkużi u l-kondontta kriminali tal-akkużat.