Knisja Maltija
Kristu msallab bil-maskra: Pittura ta’ saċerdot ġdid fuq is-santa ta’ tifkira tal-ordinazzjoni

Okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja f’Malta bl-ordinazzjoni l-lejla ta’ għaxar saċerdoti ġodda: ħames djoċesani, tliet Salesjani ta’ Don Bosco, Ġiżwita u membru mill-Moviment tal-Fokolari. Apparti ż-żgħażagħ, dan il-grupp jinkludi żewġ irġiel li kienu miżżewġa u huma missirijiet.

L-ordinazzjoni saċerdotali, normalment issir ġewwa l-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt, iżda biex jattendu kemm jista’ jkun nies waqt li tiġi rispettata d-distanza soċjali, intgħażlet il-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Rè f’Raħal Ġdid.

Fl-omelija, l-Arċisqof Charles Scicluna qal lis-saċerdoti l-ġodda li jridu jibdew mixja missjunarja, billi kontinwament waqt li jqarr,u jibqgħu jqerru. Fakkar lis-saċerdoti l-ġodda li jridu b’umiltà jagħrfu d-dgħufija u d-dnubiet tagħhom u jitolbu lil Mulej jeħlishom mill-inganni tax-xitan u mill-jasar tad-dnub.Ħeġġiġhom biex ma jibżgħux ikunu ħaġa waħda mal-poplu li l-Mulej jibagħthom biex jaqdu.

Illum niltaqgħu ma’ tnejn mis-saċerdoti l-ġodda: wieħed bi sfond ta’ xjenza u artist.

Kristu msallab liebes il-maskra hi x-xbieha fuq is-santa ta’ tifkira tal-ordinazzjoni ta’ 10 saċerdoti ġodda. Din hi xogħol wieħed minnhom – Dun David Borg – li huwa wkoll artist.

Għal Dun David, żmien il-coronavirus kien żmien ta’ sfida imma wkoll ta’ riflessjoni aktar profonda dwar l-akbar pass f’ħajtu.

L-ordinazzjoni kellha ssir Sibt fuq l-Għid il-Kbir, iżda kellha tiġi posposta minħabba l-pandemija. Dun David stqarr li kien diġà beda jaħdem fuq pittura oħra għal din l-okkażjoni.

“F’daqqa waħda nqala’ dan il-virus li għalkemm b’mod silenzjuz ħoloq konġestjoni sħiħa. Hekk affettwatni ftit lili u ġegħlitni iktrar nirrifletti dwar dak li qed nersqu lejh u ġietni din l-idea li Kristu qed jgħix anke f’dawn iż-żminijiet magħna din it-tbatija u l-provi li għaddejjin minnhom,” qal Dun David.

Dun David pitter lil Kristu msallab u mejjet fl-istess ħin – b’riflessjoni dwar dak li jgħid San Pawl li “aħna li mmutu miegħu, inqumu miegħu wkoll”. L-arti minn dejjem kienet f’Dun David. Għalih tfisser tfittxija għas-sbuħija. Stqarr li mindu beda l-mixja għas-saċerdozju, l-arti tiegħu nbidlet u saret aktar sħiħa.

“Is-sejħa tiegħi għalkemm nibtet minn qrara li jien qerrejt wara ħafna żmien però jiena x-xewqa tiegħi minn dejjem kienet li nsir artist però l-focus kienet fuqi – fuq it-teknika – meta weġibt għal din is-sejħa u dħalt is-seminarju jien bħala artist kien hemm ukoll bidla,” qal Dun David.

Is-sacerdozju jattira persuni minn sfond differenti. Il-Ġiżwita, Michael Debono, studja l-fiżika u l-matematika, li qal li jistgħu jgħinuh jidħol fi djalogu ma’ nies li jaħsbuha b’mod differenti.

“Ikollna anke lingwaġġ komuni jien pereżempju fl-ixjenzi u fl-istudji tiegħi fil-ħolqien – fl-istudji tal-ħolqien, fl-istudju tan-natura, fl-istudju tal-galassji. Tgħid qisu kif m’hemmx Ħallieq wara dan kollu,” qal Dun Michael.

Bħala Ġiżwita, il-mixja għal Fr Michael kienet twila. Ma kinitx tinkludi biss studju imma anke ħidma volontarja fl-Eġittu, l-Alġerija u Napli fejn għaraf li jkun viċin tan-nies – speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

“Tisma t-tbatijiet tan-nies li qed isoffru, li jixtiequ lil xi ħadd lil min jismagħhom. Sempliċiment li ssellef daqsxejn widnejk għalihom għalija kienet xi ħaġa importanti ħafna xi ħaġa li mbagħad nittamali nkunu nista’ nagħmilha fis-sagrament tal-qrar tar-rikonċiljazzjoni,” temm jgħid Dun Michael.

Aħbarijiet Oħra

B’rabta mal-irvell tal-bieraħ fiċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Safi, wara nofsinhar il-Pulizija ressqet il-Qorti lil Darren Bonello ta’ 30 sena li jgħix f’San Pawl il-Baħar u xlietu bl-attentat ta’ qtil ta’…

Il-kumpanija għall-immaniġġjar tal-iskart, Wasteserv, qalet li qed iżżid l-isforzi biex il-pajjiż itejjeb ir-rata tar-riċiklaġġ. Wara l-akbar esportazzjoni f’seba’ snin ta’ fdalijiet ta’ ħġieġ, fil-landfill tal-Għallis bħalissa għaddejja operazzjoni kbira biex…

Sean Grech ta’ 26 sena mis-Siġġiewi ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ħfief lit-tfajla tiegħu. Iż-żagħżugħ, li hu wkoll missier, ġie mixli li bl-imġieba tiegħu kkaġuna biża’ li se tintuża vjolenza…

Ħmistax-il ġurnata ‘l bogħod mill-elezzjoni għall-kap tal-Partit Nazzjonalista, iż-żewġ kandidati – Adrian Delia u Bernard Grech – qalu tagħhom dwar ir-rapport ta’ due diligence li sar dwarhom u li ġie…

Aktar