Kriżi tar-radam: il-Ministru Herrera jgħid li l-barrieri jonqoshom 20 sena biex jimtlew

Iż-żewġ barrieri fejn qed jintefa’ r-radam tal-kostruzzjoni mistennija jimtlew sa nofs is-sena d-dieħla, bl-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupatturi tappella lill-Gvern biex tittieħed deċiżjoni dwar postijiet oħra fejn jista’ jintrema dan l-iskart, biex l-industrija tal-kostruzzjoni ma tieqafx ħesrem.

Il-Ministru għall-Ambjent, Jose Herrera, qal lil TVM li hawn barrieri oħra li jridu għoxrin sena biex jimtlew. Sostna li l-problema qed tinħoloq għaliex uħud mis-sidien tal-barrieri qegħdin iżommuhom għall-iskart tagħhom stess. Wissa li l-Gvern għandu poteri legali biex jieħu azzjoni fuq dan.

Reġgħet faqqet il-problema għal kuntratturi fl-industrija tal-kostruzzjoni wara li f’dawn il-jiem għalqet waħda miż-żewġ barrieri fejn it-trakkijiet kienu qed jitfgħu l-iskart tal-kostruzzjoni. Jidher li l-kwistjoni qamet wara li sid il-barriera għolla t-tariffa għall-ħatt tar-radam u dan ġab oġġezzjoni mill-operaturi fl-industrija.

Wara twissija pubblika mill-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera, il-barriera reġgħet fetħet iżda l-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżvilupatturi Sandro Chetcuti qal li l-problema b’daqshekk ma ġietx solvuta. Huwa qal li l-barrieri għandhom jingħataw permess biex jiġu estiżi biex waqt li jkun hawn aktar materjal għall-bini, jiżdied l-ispazju għar-radam.

Il-Ministru Herrera qal li l-industrija għandha tkun responsabbli għall-operat kollu tagħha u tibda tirriċikla l-iskart li tiġġenera hi stess.

“Aħna qegħdin nimbuttaw ‘il quddiem l-ekonomija ċirkulari u jien għandi aġenzjija li tippromwovi l-ekonomija ċirkulari u jien persważ li fil-jiem u x-xhur li ġejjin, din l-aġenzija ser tkun qiegħda tiltaqa’ kemm mal-kuntratturi kif ukoll mas-sidien tal-barrieri biex naraw kif nistgħu nitfgħu aktar obbligi u kooperazzjoni ma’ dan is-settur biex nibdew nirriċiklaw dan l-iskart.”

Dwar it-tariffi għar-radam, Dr Herrara qal li l-Gvern diġà qiegħed jissussidja r-rimi tar-radam, iżda jidher li għall-industrija dan qatt m’huwa biżżejjed.

”Darbtejn ftehemna fuq prezz,  darbtejn tajthom rebate fiskali u darbtejn jiksruwli l-arranġament u jibdew iżommu iżjed. Jiddażuppuntawni ħa nkun ċar u tond għax jien li xtaqu tajthom.”

Waqt li qal li ma jemminx li l-Gvern għandu jindaħal fis-suq u jiffriża t-tariffi, wissa li jekk s-sidien tal-barrieri jwebbsu rashom lest li juża l-poteri tiegħi biex ma jħallix l-industrija tieqaf.”

”Jekk ma jaqblux, hemm makkinarju, li ħloqt jien stess, li jien nikteb lill-Prim Imħallef, jinnomina maġistrat, jiena nagħżel membru fuq dan il-bord biex jifissa l-prezz, u huma jagħżlu membru wkoll, u l-prezz jiġi stabbilit.”

Il-Ministru qal li hemm numru ta’ barrieri li għandhom il-permess biex isir radam fihom b’obbligu li jirċievu skart mingħand kulħadd, iżda mhumiex jagħmlu dan. Il-Ministru Herrera appella lis-sidien tal-barrieri speċjalment dawk li qegħdin fuq art tal-Gvern, biex ma jżommux il-barriera għalihom, u jiftħuha għall-kulħadd.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

54 parroċċa f’Malta qed joffru għajnuna lill-istudenti li ser ikunu qed jagħmlu l-eżamijiet online fil-ġranet li ġejjin, billi joffru spazji fejn l-istudenti jkunu jistgħu jagħmlu l-eżami. Fi stqarrija, il-Kurja qalet li…

Lokali

L-Istati Uniti faħħru lill-Gvern Malti li erbat ijiem ilu ħabbar il-qabda ta’ $1.1 biljun ta’ flus foloz Libjani li kienu ordnati minn entità illeġittima u stampati minn kumpanija tal-istat Russa,…

Annimali

Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10pm, ntlemħet fekruna tal-baħar tbid fil-bajja tar-Ramla f’Għawdex. Il-fekruna tat-tip loggerhead, intlemħet tiela mill-baħar għall-ħabta tal-10pm u reġgħet niżlet fil-baħar għall-ħabta tal-11.30pm Fi stqarrija l-President Eżekuttiv ta’…

Aktar