Lokali
Ktieb ġdid jirrikonoxxi ħidmet Oliver Friggieri

Ħidmet il-Professur Oliver Friggieri ġiet rikonoxxuta darbtejn fi ftit jiem.

Wara li Prof. Friggieri ġie ppremjat bl-unur għall-karriera artistika fl-ewwel edizzjoni tal-Premju għall-Arti, ilbieraħ tnieda l-ktieb Mill-Petali ta’ Ħajtek. Kitbiet f’ġieħ Oliver Friggieri biex jagħtih ġieħ għall-ħidma tiegħu fil-Malti.

Pubblikazzjoni tal-Klabb Kotba Maltin, it-tnedija tal-ktieb saret fil-Berġa ta’ Kastilja. Il-ktieb jikkumplimenta l-awtobijografija Fjuri li ma Jinxfux.

Il-ktieb jinkonsisti f’għadd ta’ artikli miktuba minn  Josette Attard, Anthony Aquilina, Ġorġ Borg, Paul P. Borg, Tonio Borg, Joseph Brincat, Charles Briffa, Arnold Cassola, Charles Coleiro, Charles Dalli, Victor Fenech, Henry Frendo, Philip Farrugia Randon, Joe Friggieri, Sergio Grech, Mons. Victor Grech, Adrian Grima, Godfrey Grima, Ray Mangion, Bernard Micallef, Ugo Mifsud Bonnici, Achille Mizzi, Roger Ellul Micallef, Joseph Muscat, Terence Portelli, Rev. Hector Scerri, Ray Sciberras, Rev. Kalċidon Vassallo, Richard Vella Laurenti, Trevor Zahra, Marcel Zammit-Marmara.

Il-Bord editorjali kien magħmul minn: Joseph Borg, Prof. Ray Mangion, Marcel Zammit-Marmara, Joseph Mizzi, u Trevor Zahra.

Min hu Oliver Friggieri?

Oliver twieled il-Furjana nhar is-27 ta’ Marzu, 1947. Huwa studja fis-seminarju tal-Isqof u kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn kiseb Baċellerat fil-Malti, fit-Taljan u fil-Filosofija. Prof Friggieri kompla jimraħ fl-istudji tiegħu b’maġisteru u b’dottorat fil-letteratura Maltija u fil-kritika letterarja.

Fl-1968 huwa beda jgħallem il-Malti u l-Filosofija fl-iskejjel sekondarji. Fl-1976 beda jgħallem il-Malti fl-Università ta’ Malta.

Oliver Friggieri kien attiv fil-Moviment Qawmien Letterarju u kien fil-bord editorjali ta’ Il-Polz, perjodiku letterarju bil-Malti. Fl-1974-75 huwa sar editur tal-istess perjodiku.

Huwa kiteb diversi studji, novelli, rumanzi u poeżiji. Fl-2008 huwa ppubblika l-awtobijografija tiegħu Fjuri li ma Jinxfux.

L-istudji tiegħu huma mifruxa ħafna, b’mod partikolari fuq il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila u fuq il-Kantilena ta’ Pietru Caxaro.

Fost in-novelli li kiteb oliver Friggieri hemm Il-Gidba, L-Istramb, Fil-Parlament ma Jikbrux Fjuri, Ġiżimin li Qatt ma Jiftaħ, It-Tfal Jiġu bil-Vapuri, La Jibbnazza Niġi Lura, Fjuri li ma Jinxfux u Dik id-Dgħajsa f’Nofs il-Port.