Unjoni Ewropea
Ktieb għat-tfal biex jitgħallmu dwar x’inhi l-Unjoni Ewropea

It-tfal jistgħu jifhmu aħjar lill-Unjoni Ewropea permezz ta’ ktieb ġdid miktub mill-awtur ta’ esperjenza Trevor Zahra. Il-ktieb ‘Mas-Siġra tal-Ballut’ inħareġ mill-MEUSAC bħala parti minn sensiela ta’ attivitajiet li qed jittellgħu minn din l-aġenzija biex tippromwovi s-servizzi tagħha bil-għan li ċ-ċittadini jifhmu u joqorbu iktar lejn l-Unjoni Ewropea.

Trevor Zahra huwa l-awtur ta’ ktieb ġdid ‘Mas-Siġra tal-Ballut’, li jirrakkonta storja f’forma ta’ parabbola bl-annimali, biex it-tfal jitgħallmu dwar x’inhi l-Unjoni Ewropea. Is-Sur Zahra qal li jħossu onorat li din l-istorja ntisġet bl-aqwa mod mat-tim tal-MEUSAC, biex bl-istampi li hemm fil-ktieb u l-istorja nnifisha, it-tfal jitgħallmu anki mal-ġenituri tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea.

Il-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon qalet li l-idea tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb nibtet mill-esperjenza tal-uffiċjali tal-Aġenzija li matul is-sena jagħmlu attivitajiet biex iwasslu l-Unjoni Ewropea lit-tfal.

“Storja li ħloqna bħala Meusac, ma’ Trevor Zahra qed nużaw annimali differenti, li rridu nwasslu l-messaġġ Magħqudin fid-Diversità.

Il-ktieb minbarra li fih l-istorja għandu wkoll taqsima oħra li tispjega kif twieldet u kibret l-Unjoni Ewropea, kif taħdem, il-prinċipji u l-valuri tagħha u dwar Malta bħala Stat Membru. Din il-parti toħroġ ukoll it-tifsira tal-motto tal-Unjoni Ewropea, ‘Magħqudin fid-Diversità’. It-tielet parti tal-ktieb tikkonsisti f’numru ta’ eżerċizzji prattiċi, biex it-tfal jipprattikaw dak li jkunu tgħallmu wara li jkunu qraw l-ewwel żewġ partijiet.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela qal li matul is-sena, l-uffiċċjali tal-MEUSAC jagħmlu diversi attivitajiet għat-tfal biex ikabbru fihom l-għarfien dwar l-Unjoni Ewropea, fosthom bl-attivitajiet fi Skolasajf li bihom jilħqu madwar 600 tifel u tifla minn lokalitajiet differenti f’Malta u Għawdex. Il-Ministru Abela qal li kull min għandu 16-il sena, twieled bħala ċittadin tal-Unjoni Ewropea u għalhekk il-ġenerazzjoni futura għandu jkollha l-għarfien meħtieġ sabiex tkun tista’ titgħallem, u tinforma ruħha dwar kif taħdem din l-Unjoni.