Unjoni Ewropea
Ktieb għat-tfal dwar l-Unjoni Ewropea jitqassam fil-libreriji pubbliċi

Il-MEUSAC ippreżentat pubblikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea għal tfal ta’ 11 u 12-il sena lil-libreriji pubbliċi.

Il-preżentazzjoni saret waqt avveniment fil-Librerija Pubblika Nazzjonali f’Belt is-Sebħ fil-preżenza tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela, il-Kap tal-MEUSAC Mandy Falzon u l-Kap tal-Libreriji ta’ Malta Cheryl Falzon.

Fi stqarrija maħuġa mill-Gvern intqal li dan il-ktieb, ippubblikat f’Novembru tas-sena l-oħra, jibda bi storja ta’ Trevor Żahra dwar grupp ta’ annimali li jagħrfu li d-differenzi ta’ bejniethom ma jfixkluhomx milli jgħixu flimkien f’armonija, anzi jaħdmu flimkien biex l-ebda wieħed minnhom ma jbati.

S’issa diġà tqassmu iżjed minn 7,000 kopja ta’ dan il-ktieb lill-istudenti tas-seba’ u t-tmien sena fl-iskejjel kollha f’pajjiżna, minbarra li l-ktieb huwa disponibbli wkoll online u jista’ jitniżżel minn hawn.