Negozju
Kull pakkett li jasal minn barra l-UE irid jibda jitħallas il-VAT fuqu

Mill-1 ta’ Lulju l-pakketti li jaslu minn barra l-UE se jibdew iħallsu l-VAT ikun xi jkun il-valur tagħhom.

Dan wara li l-Kummissjoni Ewropea neħħiet l-eżenzjoni mill-VAT fuq il-pakketti li jkollhom valur ta’ inqas minn €22.

Biex tiffaċilita l-ipproċessar il-Kummissjoni Ewropea introduċiet sistema li permezz tagħha minn jixtri minn barra l-UE minn Lulju li ġej ikun jista’ jħallas il-VAT mal-ħlas għal prodotti li jiswew sa €150 u f’dak il-każ l-oġġett jasal għand il-klijent mingħajr ħlasijiet oħra.

Il-kap tal-operat tal-Maltapost Adrian Vassallo qal li jekk il-klijenti jibdew iħallsu l-VAT max-xiri jkunu qegħdin jevitaw li jeħlu t-tariffi tal-ipproċessar li jvarjaw bejn l-€1.50 u l-€20.

“Jekk inti għandek oġġett li jiswa €10 u tixtrieħ minn kumpanija li tiġbor il-VAT hi, dak ħa jiswa €11.80, ħa tħallas 1.80ċ VAT u xħin jiġi Malta l-Maltapost se tiddikjarah lid-Dwana u għal dawn l-oġġetti fejn il-VAT inġabar qabel, mhux se jkun ħlas addizjonali meta oġġett jiġi rrilaxat mid-Dwana”.

Vassallo qal li t-tariffa ġiet introdotta biex tkopri iż-żieda fix-xogħol għal-ipproċessar u l-ġbir tal-VAT fuq il-pakketti li jaslu minn barra l-UE li se tinvolvi wkoll ħidma minn uffiċjali tad-Dwana.

“Aħna se ndaħluh fis-sistema tad-Dwana mbagħad se nibgħatu email jew notifika fuq karta lill-klijenti biex iħallsu t-tariffa u l-VAT onlajn u jekk iħallsu onlajn il-pakkett jitqassam u jekk ma jħallsux onlajn il-pakkett imur jiġbru mill-post office”.

Id-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti qal li d-Dwana aġġornat is-sistemi tagħha biex tkun tista’ tinħadem ir-rata ta’ taxxa u dazju fi żmien iqsar.

“Għax il-volumi li se jkunu qegħdin jidħlu fis-sistema huma enormi, kemm pakketti li jaslu bil-posta kif ukoll pakketti li jaslu bil-courier, ovvjament mhux se jaffettwa dak li għandu jiġi eżaminat għax aħna ma neżaminawx kollox imma li tagħżlilna s-sistema”.

Il-VAT se jkun qiegħed jinġabar ukoll mill-kumpaniji li jqassmu l-pakketti li jaf ikollhom tariffi differenti għall-ipproċessar tal-oġġetti postali li jinxtaw minn barra l-UE.