Agrikultura
Kull prodott li jidħol fil-pitkalija se jibda jiġi reġistrat f’sistema komuni bil-għan li tonqos il-ħela u tiżdied it-trasparenza

Fil-Pitkalija mistennija ssir riforma li se twassal għal aktar kontrolli u governanza, titjib fl-organizzazzjoni u aktar trasparenza. Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo qal li r-riforma tpoġġi lill-bidwi fiċ-ċentru tal-attività kollha biex fost l-oħrajn iġibu prezz aktar ġust għall-prodotti tagħhom.

Fil-Pitkalija, il-bidwi jmur għand il-pitkal li f’dan is-suq uniku jbigħ il-prodotti tiegħu lill-bejjiegħa tal-frott u l-ħaxix liċenzjati li eventwalment ibigħuhom lill-konsumaturi.

Bir-riforma proposta, din il-prattika mhux se tinbidel. Id-differenza ewlenija hi li s-sbatax-il pitkal se jingħataw computer u printer tal-irċevuti u l-barcodes biex bihom jibdew jirreġistraw il-prodotti kollha li jirċievu mingħand il-bdiewa f’sistema komuni li l-Kap Eżekuttiv tal-Pitkalija, Marc Vella Bonnici qal li se tkun aktar trasparenti u ġusta.

“Jiġifieri issa jista’ jkollna rendikont dettaljat ta’ x’inbigħ, kemm kien hemm ħela, il-prezz li jġib il-prodott u se jkun possibli li nħarsu lejn proġetti ġodda b’mod speċjali ta’ xogħol li ma jinbigħx fil-pitkalija, il-bdiewa issa se jkollhom possibiltà li jkunu jafu bejgħ tagħhom dak il-ħin li qed isir u l-prezz li jġibu”.

Ir-riforma tipproponi li jkun hemm titjib fl-ippakkeġġjar u l-preżentazzjoni tal-prodotti agrikoli.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, Anton Refalo qal li l-pitkalija kienet twaqfet biex tiffaċilità lill-bidwi tant li hi l-aktar sors importanti ta’ dħul għal madwar elf u ħames mitt (1,500) bidwi full-time jew part-time li hawn f’Malta. Dr Refalo qal li din ir-riforma ilha mistennija s-snin u l-għan ewlieni huwa wieħed.

“Li npoġġu lill-bidwi fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu u naħseb li b’dan il-mod il-bidwi li tant jaħdem fir-raba’ tiegħu biex jagħmel il-prodotti se jkollu prezz ġust għal dak li jitla’ l-pitkalija”.

Kull sena l-valur tal-prodotti agrikoli li jgħaddu mill-pitkalija jilħqu madwar €20 miljun. Is-settur tal-agrikoltura jikkontribwixxi inqas minn wieħed fil-mija tal-ġid kollu li tiġġenera l-ekonomija Maltija.