Il-PM jgħid li l-akbar ‘deadline’ li kellu l-Gvern kien li jraħħas il-kontijiet

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed jindirizza l-kwistjoni tas-serq tad-dawl u b’din l-attitudni, f’sena diġa niżżel it-telf tal-Enemalta b’€20 miljun. Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar il-pjan tal-gvern li jbiddel l-ismart meters anke lill-kmamar illegali tal-Armier, Dr Muscat qal li l-ammont ta’ serq ta’ dawl li kien qed ikun hawn, kien inaċċettabli. Qal li ħadd m’għandu jipretendi li f’sena l-gvern isib soluzzjoni għall-problema tal-kmamar illegali tal-Armier, li ilha għexieren ta’ snin, iżda fl-istess waqt il-gvern ma setax jittolera sitwazzjoni fejn in-nies mill-‘boat houses’ jieħdu d-dawl u ħadd ma jħallas għal xejn, bl-iskuża li ħadd m’għamel xejn biex jindirizza l-kwistjoni tal-kmamar illegali. Żied li kulħadd jaf bihom dawn u dan il-gvern fassal programm biex dawn in-nies iħallsu tad-dawl li jużaw filwaqt li għamilha ċara li dan il-program bl-ebda mod mhu se jaffettwa t-titli dwar l-art innifisha.

Mistqosi dwar jekk iħoss li huwa nuqqas tal-gvern li l-power station tal-gass mhux se titlesta sa’ Marzu kif kien previst, il-Prim Minsitru qal li l-akbar ‘deadline’ li kellu l-Gvern kien li jraħħas il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għall-familji f’Marzu li għadda u li f’Marzu li ġej jraħħas il-kontijiet għan-negozji wkoll. Sostna li d-‘deadline’ ta’ Marzu li għadda nżamm u ta’ Marzu li ġej se jinżamm ukoll. Tenna li r-roħs fil-kontijiet, ma jiddependix biss fuq il-power station il-ġdida imma fuq numru t’affarijiet oħra u saħaq li l-affarijiet l-oħra kollha mexjin kif previst, li tittardja bi ftit xhur il-power station il-ġdida mhux se taffetta l-pjan kollu. Dr Muscat qal li għandu jdea dwar meta se tkun lesta l-power station tal-gass u dan se jħabbru fil-mument opportun. Qal ukoll li kif jasal lura Malta, l-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi se jagħmel stqarrija fil-Parlament, meta jasal lura mit-taħdidiet ma’ Shangai Electric.

Il-Prim Ministru qal li minkejja l-kumpanija nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta mistennija tagħmel telf ta’ €16-il miljun, il-pjan ta’ ristrutturar se ikompli jiġi implimentat. Dr Muscat qal li fost il-kwistjonijet li jinqalgħu minn sena għal oħra li jistgħu jitfgħu ftit lura dan il-pjan, semma l-kwistjoni tal-Libja imma mhux din biss. Saħaq li l-Air Malta hija u se tibqa’ ass strateġiku għall-pajjiza u fuq kollox se tibqa fil-kontroll tal-gvern Malti.

Dwar il-parlament il-ġdid, il-Prim Minsitru qal li l-kuntratturi qed jiġu mmultati kuljum għax ma żammewx mad-data mifthiema u li bħalissa l-gvern qed jistenna data ġdida meta għandu jitlesta l-bini tal-parlament il-ġdida.

Dwar l-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali, Dr Muscat qal li hu għamel proposta u jidher li hemm “konverġenza kważi totali” dwarha. Qal li d-dettalji se jitħabbru dalwaqt.