Lokali
Il-Kummissarju Għoli Malti l-ġdid għar-Renju Unit b’impenn biex ikompli s-servizz tat-trattament tal-Maltin

Wara li ntemm it-terminu ta’ ħames snin tal-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit Norman Hamilton, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ħabbar li mill-bidu ta’ dan ix-xahar il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit ser ikun Joseph Cole. Fl-ewwel kummenti tiegħu ma’ TVM il-Kummissarju Għoli Cole qal li waħda mill-prioritajiet tiegħu ser tkun li jaċċerta li t-trattamenti mediċi lill-Maltin fir-Renju Unit ma jkunux interroti minħabba Brexit.

F’karriera ta’ 35 sena fil-korp diplomatiku, Joseph Cole serva bħala ambaxxautur għal-Malta fl-Istati Uniti, fl-Awstralja u fl-Olanda, fost oħrajn.

Fl-ewwel intervista tiegħu mindu nħatar mill-Gvern Malti bħala Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit, l-Ambaxxatur Cole qal li minħabba Brexit ix-xhur u s-snin li ġejjin ser ikunu fost l-aktar kruċjali fil-karriera tiegħu.

Joseph Cole qal li “iċ-challenges huma kbar, però qed nistenna li jkollna żminijiet eċitanti ħafna speċjalment issa li kulħadd jaf li l-Ingilterra ser ikollha relazzjonijiet differenti mhux biss mal-Unjoni Ewropea imma anki mal-bqija tad-dinja”.

Mistoqsi dwar l-impatt li Brexit jaf ikollu fuq is-servizzi tas-saħħa li jirċievu l-Maltin fir-Renju Unit, il-Kummissarju Għoli Cole qal li bħalissa għadejjin negozjati mal-Gvern Ingliż biex il-ftehim li sar fl-1975 li assigura dan is-servizz, jibqa’ jseħħ wara Brexit.

“Ir-rieda tal-Gvern Malti hija li nkomplu bih dan il-ftehim, min-naħa tal-Ingilterra tidher li nkomplu bih dan il-ftehim, irridu nżommu għajnejna miftuħa, widnejna miftuħin, għal dak li jista’ jkun qiegħed jigi propost. Madanakollu jiena nemmen illi t-trattament tal-pazjenti Maltin ġewwa l-Ingilterra m’għandux ikollu problemi biex ikompli u nista’ nassigurak li din ser tkun waħda mill-issues l-aktar priorità importanti fix-xogħol tagħna sakemm nisetiljaw is-sitwazzjoni ta’ Brexit” qal Joseph Cole.

Dwar in-negozjati bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea u l-possibilità li Brexit iseħħ mingħajr ftehim bejn iż-żewġ naħat, is-Sur Cole qal li mill-esperjenza tiegħu fil-kunsilli tal-Unjoni Ewropea jemmen li eventwalment iż-żewġ naħat jilħqu kompromess.

Is-Sur Cole qal li “kien hemm issues li l-Istati membri kellhom opinjoni kompletament differenti minn xulxin u nista’ nassigurak ukoll li d-diskussjoni tkun daqsxejn sħuna ukoll, però fl-aħħar mill-aħħar wara li kulħadd jikkalma ftit u jgħid dak li jkollu jgħid dejjem kien jintlaħaq xi forma ta’ kompromess, nittama li s-sitwazzjoni ta’ Brexit ikolha l-istess eżodu mhux minħabba l-komunità Maltija fl-Ingilterra, imma anki għall-Ingilterra u l-partners tagħha fl-Ewropa.

Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta fir-Renju Unit mistenni jippreżenta l-kredenzjali tiegħu lir-Reġina Eliżabetta it-tieni f’Ottubru, wara li r-Reġina tirritorna mill-vakanzi fil-palazz Balmoral fl-Iskożja.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar