Lokali
Kumpanija Għawdxija tkabbar il-produzzjoni lokali b’investiment ta’ €1.5m u ssaħħaħ l-esportazzjoni f’4 kontinenti

B’investiment ta’ €1.5 miljun, kumpanija Għawdxija kabbret il-produzzjoni tal-ikel għas-suq lokali, filwaqt li saħħet l-esportazzjoni f’erba’ kontinenti. Il-Ministru Silvio Schembri qal li din il-kumpanija hija waħda mill-benefiċjarji tal-għajnuna finanzjarja mogħtija mill-Gvern li għenet biex issaħħaħ l-operat tagħha, filwaqt li l-Ministru Clint Camilleri qal li s-sostenn mogħti wassall għall-ħolqien ta’ iżjed impjiegi f’Għawdex għall-Għawdxin.

Kumpanija Għawdxija qed tkompli tkabbar il-produzzjoni tal-ikel b’investiment ta’ miljun u 500 elf ewo f’teknoloġija ġdida li bdiet tintuża fl-aħħar sentejn. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Magro Brothers Christian Magro qal kif f’mitt sena ta’ storja intraprenditorjali, in-negozju tagħhom saħħaħ il-kwalità tal-prodott li jipproċudu filwaqt li 40% tal-produzzjoni tiġi esportata f’20 pajjiż f’erba’ kontinenti: l-Ewropa, l-Awstralja, l-Asja u l-Afrika.

”Bdejna nesportaw ukoll lejn il-Ghana li hu suq totalment ġdid għalina u dan kien propoju għajnuna li lilna għenitna, kompliet ittina iżjed il-comfort biex ninvestu f’dan is-settur tal-manifattura u ikel.”

Is-Sur Magro spjega kif il-kumpanija investiet f’makkinarju ġdid, softwares avvanzati, linji ġodda fil-qasam tat-tkabbir tat-tadam lokali, proġetti ta’ żvilupp u riċerka fis-sezzjoni tal-prodotti tal-ħalib, iżjed esportazzjoni fi swieq ġodda, tnedija ta’ żewġ websites ġodda għal-bejgħ online u taħriġ lill-ħaddiema.

Waqt konferenza stampa li saret fil-‘The Magro Food Village’ fix-Xewkija, il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri faħħar l-abbilta’ tal-kumpanija li tadatta għaċ-ċirkostanzi biex issalva l-impjiegi tal-ħaddiema. Qal li din il-kumpanija bbenefikat mill-iskema tas-suppliment tal-pagi u l-iskema ta’ għajnuna għas-self mill-Bank Malti għall-Iżvilupp.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan l-investiment se jwassal għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi f’din il-Kumpanija u aktar xogħol f’Għawdex, għall-Għawdxin. Sostna li investimenti bħal dawn kienu strumentali biex fi żminijiet ta’ pandemija jissaħħaħ il-qasam tax-xogħol f’Għawdex, hekk kif disgħin fil-mija mill-Għawdxin li tilfu xogħolhom waqt il-pandemija, reġgħu bdew jaħdmu.